Bżonn ta’ aktar infurzar fis-separazzjoni tal-iskart
Dan l-aħħar tqajmet il-kwistjoni tal-iskart domestiku li mhux qed jiġi separat bis-serjeta’ mill-pubbliku. Ftit tax-xhur ilu kienu daħlu fis-seħħ linji gwida dwar is-separazzjoni tal-iskart. Min ma sseparax l-iskart domestiku tiegħu kif suppost, spiċċa biex l-iskart tiegħu ma nġabarx u minflok twaħħlu stickers tal-apposta biex jifred l-iskart kif meħtieġ: materjal riċiklabbli fil-borża l-griża, skart organiku fil-borża l-bajda u skart imħallat fil-borża s-sewda. Il-pubbliku kien ukoll imwissi li jekk jarmi l-iskart tiegħu b’mod ħażin jiġi mmultat.
Bħal kull ħaġa oħra f’dan il-pajjiż, din l-użanza ġdida bdiet bit-tajjeb iżda maż-żmien bdiet tillaxka u issa llaxkat sewwa.
Dan il-portal jissuġġerixxi t-twaqqif ta’ dawk li bl-Ingliż jgħidulhom ir-Rubbish Police ħalli mhux biss jiċċekkjaw il-boroż tal-iskart u jħarrku lil min ma jimxix mat-tqassim tal-iskart. Dawn ir-Rubbish Police ikollhom ukoll il-kompitu li jgħinu biex iżidu r-rati tar-riċiklaġġ. Persuna li tkellmet ma’ Voice of the Workers qalet li hi ma tiddejjaqx li l-iskart tagħha jiġi ċċekkjat. Hi qalet li huwa importanti li l-affarijiet jerġgħu jintużaw. Hi inizjattiva tajba għall-ambjent u hi xi ħaġa ta’ min jinkoraġġiha speċjalment għal min għandu t-tfal. Dan għax kull ġenitur jixtieq li uliedu jgħixu f’dinja aħjar.
Sors li jaħdem ma’ kumpanija tar-riċiklaġġ fisser li għalkemm il-livelli tar-riċiklaġġ huma relattivament għoljin, għad baqa’ ħafna iżjed xi jsir. Skont is-sors li tkellem ma’ Voice of the Workers, nofs dak li jintrema fil-boroż is-suwed huwa materjal riċiklabbli u kwart minnu huwa skart tal-ikel. Hu qal li jekk kulħadd jagħti iżjed attenzjoni ta’ x’jarmi u f’hiex jarmi, il-proċess tar-riċiklaġġ jitjieb iżjed.
Barra minn hekk, kwistjoni oħra li ta’ min wieħed jitkellem fuqha hi s-sitwazzjoni fil-bring–in-sites fl-irħula. Mhux b’esaġerazzjoni imma wħud minnhom qishom xi maqjel, b’munzelli ta’ boroż tal-iskart ħdejhom jew madwarhom. In-nies bla kuxjenza jibqgħu jduru mas-saqajn. Basta jeħilsu minn dak li jridu jarmu! Il-kunsilli lokali, b’mod partikulari, għandhom jagħtu aktar kas ta’ x’qed jiġri fil-bring–in-sites u jekk f’dawn is-siti hemm il-kameras, il-kunsilli jridu jaraw li dawn qed jiffunzjonaw. Inutli li jkollok il-kameras meta s-sorveljanza u l-infurzar ikunu ineżistenti.