Xi tfisser il-ħajja? Għal x’hiex qed ngħixu? Aħna qegħdin mislufin’ fid-dinja għal ftit żmien, biex nisparixxu għal dejjem? Jew il-ħajja, għalina, hija vjaġġ li teħodna x’imkien, u jekk dan huwa l-każ, x’inhi d-destinazzjoni aħħarija tagħna? 

Ilkoll għandna naħsbu fuq din il-kwistjoni u nwieġbu lilna nfusna: x’valuri qed inħaddnu? Liema huma dawk l-objettivi li qed nipprovaw nilħqu? 

Il-kantant mibki Freddie Mercury kien artist b’talent mużikali kbir u kien kiseb popolarita’ kbira bil-mużika li wassal lill-ammiraturi tiegħu. Hu għex stil ta’ ħajja li għoġbitu u minbarra li kien  famuż, gawda fix-xalar filwaqt li stagħna fil-flus u r-rikkezzi materjali. Mess ma’ kull ħaġa li offrietlu d-dinja imma bil-kemm wieġeb il-mistoqsija li huwa stess staqsa qabel mewtu permezz tad-diska The Show Must Go OnEmpty spaces – what are we living  for, abandoned places – I guess we know the scoreon and ondoes anybody know what are we looking for?” 

Intant issib persuni li skambjaw il-ħolm fir-realta’ iżda skopew li r-realta’ hi biss ħolma u illużjoni. Il-bniedem xi kultant ifittex li joħloq bżieżaq fl-arja, ikun impressjonat bil-kuluri sbieħ li jxerrdu u jaqbadhom f’idejh sakemm jisparixxu fix-xejn. Madankollu, jidher li ma nistgħux jgħixu bla skop fil-ħajja. Xi ħaġa ġewwa fina tinstigana biex nissoktaw bil-ħolm tagħna. 

Xi traġedja tkun jekk sa tmiem ta’ din il-ħajja  fuq din  il-art nirrealizzaw li l-ħolm tagħna ma kien xejn għajr biss ħolm. Imbagħad tħares lura meta jkun tard wisq u ssib li ħajtek m’għandha ebda  valur. Tkun ħlejtha! Il-mistoqsija allura ssir aktar urġenti: għaliex qed ngħixu? X’inhu l-iskop f’ħajjitna? 

Irridu nistinkaw biex ilkoll kemm aħna nagħtu skop lil ħajjitna. Jeħtieġ li, fost oħrajn, nagħmlu l-motivazzjonijiet tagħna iżjed intrinsiċi. Huwa biss meta naħdmu għal xi ħaġa li tassew twassalna biex nirrealizzaw il-potenzjal veru tagħna. Jeħtieġ li ngħixu f’integrita’ mal-valuri tagħna filwaqt li tkun ukoll ħaġa tajba li ngħaqqdu dak li jsaħħaħna mal-passjonijiet tagħna. 

Jekk trid tieqaf tistaqsi “x’inhi t-tifsira tal-ħajja”, trid ixxammar  il-kmiem u twettaq l-għanijiet tiegħek. Tista’ tibqa’ tgħix ħajja mdejqa mingħajr kuntentizza, u tista’ tippretendi li ma tafx li hemm iktar fil-ħajja. Xi darba – forsi fi ftit xhur oħra jew saħansitra fi ftit snin oħra – tista’ tqum u tħossok miżerabbli talli m’għamilt xejn meta kellek kull ċans. Allura x’qed tistenna? Qum minn hemm u aħtaf l-opportunita’ illum qabel għada qabel ma jkun tard wisq!