It-twaqqif u l-implimentazzjoni ta’ Horizon Europe
Il-Parlament u l-Kunsill Ewropew laħqu ftehim parzjali dwar il-programm Horizon Europe għar-riċerka u l-innovazzjoni u l-programm speċifiku għall-implimentazzjoni. L-iskop hu biex titnaqqas id-diskrepanza tar-riċerka fl-UE filwaqt li tissaħħaħ l-eċċellenza, tingħata prijorita’ lill-intrapriżi żgħar u medji u jitwessa’ l-iskop tar-riċerka.
Il-pakkett ta’ Horizon Europe jinkludi proposti għall-programm f’qafas ta’ Horizon Europe, li jifrex ir-regolamenti għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u wkoll għall-programm speċifiku ta’ implimentazzjoni. Horizon Europe se jkun qed jibdel il-programm kurrenti Horizon 2020, li se jintemm fil-31 ta’ Diċembru 2020.
Il-proposta tipprevedi pakkett finanzjarju għal Horizon Europe ta’ €84.5 biljun jew €94.1 biljun (prezzijiet kurrenti) għall-perijodu 2021-2027. Horizon Europe jimmira li jtejjeb ix-xjenza fl-UE, it-teknoloġija u l-innovazzjoni, irawwem il-kompetittivita’ industrijali, u jwassal il-prijoritajiet strateġiċi tal-UE (eżempju l-bidla fil-klima). Ibbażat fuq tliet pilastri, (ix-xjenza miftuħa, l-isfidi dinjija u l-kompetittivita’ industrijali kif ukoll l-innovazzjoni miftuħa), il-programm se jinkludi oqsma ġodda bħall-Kunsill Ewropew għall-Innovazzjoni (one-stop-shop biex jappoġġja proġetti għall-innovazzjoni ta’ riskju għoli fil-ħolqien tas-suq) u missjonijiet ta’ riċerka mifruxin madwar l-Ewropa.
Huwa stmat li Horizon Europe jista’ jiġġenera sa 100,000 impjieg ġdid fir-riċerka u l-innovazzjoni fil-perijodu 2021-2027.