It-teknoloġiji smart mhumiex biss qed jibdlu d-djar tagħna imma qed jidħlu f’diversi industriji. L-Intelliġenza Artifiċjali għandha l-potenzjal li ttejjeb il-produttivita’, l-effiċjenza u l-preċiżjoni f’organizzazzjoni tax-xogħol. Iżda dan tassew huwa ta’ benefiċċju? Ħafna jibżgħu li l-Intelliġenza Artifiċjali se twassal biex il-magni u r-robots jibdlu lill-ħaddiema u jaraw li dan il-progress fit-teknoloġija huwa ta’ theddida milli bħala għodda biex itejbu lilhom infushom. 

L-introduzzjoni ta’ dawn it-teknoloġiji x’aktarx tqajjem kwistjonijiet mal-unions u s-sigurta’ tal-impjiegi minħabba l-bidliet sostanzjali fl-operat tax-xogħol. Għalkemm l-Intelliġenza Artifiċjali b’xi mod se taffettwa kull settur, mhux  kull impjieg se jkun fl-istess riskju. Skont il-kumpanija tal-awdituri PwC qed ikun imbassar spostament  baxx tal-impjiegi, madwar tlieta fil-mija, fl-ewwel mewġa tad-diġitizzazzjoni. Imma din tista’ tiżdied b’mod drammatiku sa 30 fil-mija sal-2035. L-impjiegi fi ħdan l-industrija tat-trasport jistgħu jkunu f’riskju ikbar, filwaqt li xogħlijiet li jeħtieġu abbiltajiet soċjali, emozzjonali u litterarji huma fl-inqas riskju ta’ spostament. 

Ħafna negozji u individwi huma ottimisti li din il-bidla mmexxija mill-Intelliġenza Artifiċjali fil-post  tax-xogħol se tirriżulta fil-ħolqien ta’ aktar impjiegi milli t-telf tagħhom. Hekk kif ikunu żviluppati teknoloġiji innovattivi, l-Intelliġenza Artifiċjali mistennija jkollha impatt pożittiv fuq l-ekonomiji billi jinħolqu impjiegi li jeħtieġu sett  ta’ ħiliet biex jimplimentaw sistemi ġodda.  

X’aktarx li l-Intelliġenza Artifiċjali ma ddumx li tibdel xogħlijiet li jinvolvu dmirijiet ripetittivi jew bażiċi fis-soluzzjoni tal-problemi. Sistemi tal-Intelliġenza Artifiċjali se jibdew jagħmlu deċiżjonijiet minflok il-bnedmin f’ambjenti industrijali, f’xogħol ta’ customer care u fi ħdan  istituzzjonijiet finanzjarji. 

Minħabba l-firxa wiesgħa ta’ xogħlijiet li jistgħu jkunu affettwati mill-Intelliġenza Artifiċjali, huwa importanti li jkunu indirizzati l-iżvantaġġi ta’ dawn it-teknoloġiji. Fost oħrajn, il-Gvern irid jassigura li l-kisbiet mill-Intelliġenza Artifiċjali jkunu maqsumin b’mod wiesa’ madwar is-soċjeta’ sabiex tkun evitata l-inugwaljanza soċjali bejn dawk affettwati u dawk li  mhumiex affettwati minn dawn l-iżviluppi. Bħala eżempju, dan jista’ jsir permezz ta’ żieda fl-investiment għat-taħriġ lill-ħaddiemaAllura mill-iffrankar tal-infiq sabiex ikunu implimentati sistemi tal-intelliġenza artifiċjali, min iħaddem għandu jiffoka billi jsaħħaħ il-ħiliet tal-ħaddiema. 

Barra minn hekk, is-sistemi edukattivi jridu jiffokaw fuq it-taħriġ lill-istudenti f’irwoli direttament assoċjati ma’ ħidma fl-intelliġenza artifiċjali, inkluż il-programmaturi u l-analisti tad-data. Dan jeħtieġ iżjed enfasi fuq suġġetti bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika. Suġġetti ċċentrati fuq il-bini ta’ ħiliet kreattivi, soċjali  u emozzjonali wkoll għandhom  ikunu inkuraġġiti. 

Filwaqt li l-Intelliġenza Artifiċjali se tkun iżjed produttiva mill-bniedem għal xogħlijiet  ripetittivi, il-ħaddiema dejjem se jipprestaw ruħhom aħjar mill-magni f’xogħlijiet li għandhom x’jaqsmu mar-relazzjonijiet u ma’ l-immaġinazzjoni. 

L-Intelliġenza Artifiċjali tassew se tibdel id-dinja tagħna, kemm ġewwa u barra l-post tax-xogħol. Minflok niffokaw fuq il-biża’ mid-diġitizzazzjoni, il-postijiet tax-xogħol iridu jilqgħu dawn it-teknoloġiji ġodda sabiex jassiguraw li dawn jimplimentaw l-aktar sistemi effettivi fl-Intelliġenza Artifiċjali u jikkumplimentaw l-intelliġenza umana.