Li nsibu l-aħjar bilanċ bejn il-post tax-xogħol u l-ħajjiet privati tagħna mhux dejjem hi idea sempliċi. Tabilħaqq, bl-innovazzjonijiet dejjem jiżdiedu fis-soluzzjonijiet diġitali, saret ħafna iżjed diffiċli li jinstab bilanċ bejn meta tibda l-ġurnata tax-xogħol u meta din tintemm. Illum ħafna ċertament jirrelataw mar-realta’ li jwieġbu l-emails wara l-ħinijiet tal-uffiċċju, u dan kompla jżid il-mistoqsijiet dwar kif wieħed jista’ jtejjeb l-aħjar bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja. 

Bħala parti mill-objettivi tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed taħdem biex tindirizza l-kwistjoni tal-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, partikularment hekk kif din għandha x’taqsam mal-ġenituri u min jieħu  ħsieb  l-ulied. Din l-inizjattiva tikkunsidra l-iżviluppi fis-soċjeta’ f’dawn l-aħħar 10 snin sabiex tippermetti lill-ġenituri u persuni b’responsabbiltajiet ta’ ħarsien biex jibbilanċjaw aħjar ix-xogħol tagħhom mal-ħajja tal-familja  u biex ikun inkoraġġut l-aħjar qsim fir-responsabbiltajiet tal-ħarsien bejn  in-nisa u l-irġiel. 

Din  l-inizjattiva wkoll tħares biex tappoġġja lill-Istati Membri billi tassigura protezzjoni adekwata kontra d-diskriminazzjoni u t-tkeċċija għall-ġenituri u l-carers, tippromwovi il-bilanċ bejn  is-sessi, u ttejjeb l-użu tal-fondi Ewropej biex issaħħaħ is-servizzi tal-ħarsien tat-tfal għal żmien fit-tul.