Aktar azzjoni sabiex tissaħħaħ il-kwalita’ tal-ħajja tal-ħaddiema
Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impjieg (DIER) organizza konferenza nazzjonali dwar il-Futur tax-Xogħol fil-Palazz Verdala, il-Buskett nhar il-Ġimgħa 10 ta’ Mejju 2019.
Il-konferenza kienet indirizzata mill-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom, mill-President ta’ Malta George Vella, mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.
L-iskop ta’ din il-koneferenza kien li jingħata bidu għal konsultazzjoni bejn il-Gvern, il-partijiet interessati u l-imsieħba soċjali dwar id-dokument Work for a Brighter Future tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol (ILO).
Id-dokument tal-ILO jevalwa kif il-Gvernijiet rispettivi, flimkien mal-unions u l-assoċjazzjonijiet ta’ min iħaddem, jassiguraw is-sostenibbilta‘ tal-impjiegi permezz tal-iżvilupp u t-trawwim fil-ħiliet li jirrikjedi s-suq tax-xogħol tal-lum u ta’ għada.
Josef Vella, il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers, attenda din il-konferenza u kien wieħed mill-kelliema f’diskussjoni li ffukat fuq id-drittijiet fundamentali għal kull ħaddiem. Matul id-diskussjoni kienu trattati numru ta’ suġġetti bħal pagi diċenti għal għajxien adekwat, limiti u flessibbilta‘ fil-ħinijiet tax-xogħol, is-saħħa u s-sigurta‘ fil-post tax-xogħol kif ukoll l-użu ta’ negozjar kollettiv għat-tisħiħ tal-kundizzjonijiet tax-xogħol.
Matul din id-diskussjoni, saret referenza għall-avvanzi teknoloġiċi, bħall-intelliġenza artifiċjali, l-awtomazzjoni u r-robotika, li se joħolqu impjiegi ġodda. Iżda ġie enfasizzat li dawk li se jitilfu x-xogħol tagħhom f’din it-transizzjoni se jkun l-inqas mgħammra biex jaħtfu opportunitajiet ġodda.
Kien enfasizzat li rridu naħtfu l-opportunitajiet ippreżentati minn dawn il-bidliet sabiex jinħoloq futur aħjar u sabiex ikun hemm is-sigurta‘ ekonomika, l-opportunitajiet indaqs u tirrenja l-ġustizzja soċjali.
Josef Vella stqarr li għandna nibqgħu nżommu lill-ħaddiem u x-xogħol li jagħmel fiċ-ċentru tal-politika ekonomika u soċjali. Hu żied li policies attivi dwar is-suq tax-xogħol għandhom ikunu iżjed pro-attivi.
Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers ukoll saħaq dwar il-bżonn li ż-żgħażagħ u l-ħaddiema jkomplu jitħarrġu filwaqt li jkollhom id-dritt biex jitgħallmu ħiliet ġodda.
Fid-diskussjoni ntqal li l-futur tax-xogħol jeħtieġ sistema għall-ħarsien soċjali li tkun b’saħħitha u li tkun ibbażata fuq il-prinċipji tas-solidarjeta‘.
Fil-konferenza saret enfasi dwar il-bżonn li jiżdiedu l-opportuntajiet sabiex tissaħħaħ il-kwalita‘ ta’ ħajjet il-ħaddiema. Imma mingħajr azzjoni deċiżiva, se nkunu qed ngħixu f’dinja li twessa‘ l-inugwaljanzi u l-inċertezzi eżistenti.