L-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbilta’
Aktar minn 70 miljun persuna jgħixu b’diżabbiltajiet fl-Unjoni Ewropea. Dan in-numru mistenni jiżdied b’popolazzjoni li qed tixjieħ. Bħaċ-ċittadini Ewropej kollha, persuni bi bżonnijiet speċjali huma intitolati għall-aċċessibbilta’, jiġifieri, ‘biex jgħixu b’mod indipendenti u jipparteċipaw b’mod sħiħ fl-aspetti kollha tal-ħajja’.
Fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, l-UE tikkunsidra l-aċċessibbilta’ ta’ persuni bi bżonnijiet speċjali bħala dritt fundamentali (Artikli 21 u 26). F’dan is-settur ta’ kompetenza maqsuma mal-istati membri, l-UE irratifikat il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet ta’ persuni b’diżabbilta’.
Madankollu, persuni bi bżonnijiet speċjali ssoltu jiltaqgħu ma’ diversi sfidi li jostakolaw l-attivitajiet tagħhom ta’ kuljum. Sabiex tirrimedja s-sitwazzjoni, il-Kummissjoni Ewropea addottat strateġija Ewropea dwar id-diżabbilta’ għall-perijodu 2010-2020, fejn tisħaq biex l-aċċessibbilta’ tkun waħda mill-prijoritajiet tagħha. Sa dan iż-żmien, il-Kummissjoni ppromwoviet l-aċċessibbilta’ fl-aġenda diġitali tagħha, tat attenzjoni importanti lill-provvediment tal-għajnuna lill-passiġġieri tal-ajru b’mobbilta’ imnaqqsa, u investiet fl-iżvilupp ta’ livelli volontarji komuni dwar l-aċċessibbilta’ f’oqsma speċifiċi, bħall-informazzjoni u teknoloġiji ta’ komunikazzjoni (ICT) u l-ambjent mibni.
Dwar l-aċċessibbilta’ ta’ prodotti u servizzi – il-prevenzjoni u l-eliminazzjoni ta’ ostakli li joħolqu problemi għal persuni b’diżabbilta’ meta jużaw prodotti, servizzi jew infrastruttura – il-provvista’ hi insuffiċjenti u hemm qasmiet regolatorji fis-suq Ewropew.
F’Diċembru 2015, il-Kummissjoni addottat proposta li sostanzjalment għandha ttejjeb il-funzjoni vera tas-suq intern għal prodotti u servizzi aċċessibbli, permezz tal-iżmantellar tal-ostakli bejn l-istati membri.
Id-direttiva proposta għandha żewġ oġġettivi. L-ewwel, timmira biex tarmonizza l-ħtiġiet tal-aċċessibbilta’ għal lista ta’ prodotti u servizzi. Tiffoka fuq il-kompjuters, it-telefon, it-televiżjonijiet, is-servizzi tal-media, it-trasport, is-servizzi bankarji, il-kotba elettroniċi u l-kummerċ elettroniku. It-tieni, il-proposta timmira biex tuża l-istess ħtiġiet tal-aċċessibbilta’ sabiex b’mod ċar tiddefenixxi l-obbligu tal-aċċessibbilta’ kif hemm miktub fil-Liġi Ewropea.
Fil-25 ta’ April 2017, il-Kumitat tal-Parlament dwar is-Suq Intern u l-Protezzjoni tal-Konsumatur (IMCO) addotta r-rapport tiegħu dwar il-proposta. Wara negozjati interistituzzjonali, il-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim proviżorju fid-19 ta’ Diċembru 2018, li mbagħad kien approvat mill-kumitat IMCO fit-22 ta’ Jannar 2019. Intrapriżi żgħar se jkunu eżentati, u b’mod aktar ġenerali, id-direttiva għandha tevita li timponi xi burokrazija fuq operaturi ekonomiċi. Għandha tinkludi sejħiet tal-emerġenza aċċessibbli għal 112. Il-Parlament ivvota fuq it-test maqbul matul is-sessjoni plenarja tal-1 ta’ Marzu.