Aktar u aktar ħaddiema qed jaħdmu f’darhom għax huma attirati mill-flessibbilta’, mill-effiċjenza u mill-fatt li m’għandhomx għalfejn jivvjaġġaw. Kumpaniji privati u xi entitajiet tal-Gvern qed iħallu numru ta’ ħaddiema jaħdmu ‘l bogħod mill-uffiċċju. Iżda mhux kollox hu ward u żahar. 

Xi ħaddiema jgħidulek li wara li jkunu qattgħu ftit snin jaħdmu mid-dar jispiċċaw iħossuhom iżolati. Lil hinn min-nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-kollegi, hemm ukoll in-nuqqas ta’ komunikazzjoni mad-dinja hemm barra. L-aktar mod biex tikkomunika mal-komunita’ fejn  tgħix hu permezz tax-xogħol għax tiltaqa’ man-nies.  Meta tneħħi dan l-element, trid taħdem iżjed biex tħossok fl-ambitu tax-xogħol.  

Li taħdem waħdek jista’ jfisser inqas interruzzjonijiet, imma huma f’dawn il-mumenti żgħar mal-kollegi li verament isiru l-kuntatti. L-ikbar ostaklu meta taħdem waħdek id-dar hu li ma jkun hemm ħadd biex jgħinek meta jinqalgħu l-problemi jew meta l-affarijiet ma jmorrux kif suppost.  

Barra minn hekk, il-mod kif se tibbilanċja l-ħajja u x-xogħol fl-istess spazju huwa diffiċli għal kulħadd, għalkemm riċerka pubblikata dan l-aħħar fil-Ġermanja tissuġġerixxi li n-nisa qed jitħabtu aktar. Kuntrarju għall-idea li x-xogħol mid-dar ifisser aktar  flessibbilta’ għall-ġenituri, dan l-istudju sab li għall-ommijiet, bażikament ifisser aktar ħarsien tat-tfal.  

Min-naħa l-oħra, l-istudju sab  li l-missirijiet li huma bbażati d-dar jaħdmu iżjediżda rari jqattgħu ħafna ħin mat-tfal. Jekk tieħu ħsieb l-ulied meta jkunu morda, tattendi laqgħat fl-iskejjel u wisq iżjed bil-vaganzi tas-sajf li qishom ma jispiċċaw qatt meta għandek impjieg full-time huwa diffiċli biżżejjed għal ġenitur biex ilaħħaq, aħseb u ara li tagħmel biċċa xogħol li tirrikjedi l-ħsieb minn fuq il-mejda tal-kċina bit-tfal żgħar iduru ma’ saqajk. Impossibbli. 

Il-kunfidenza fik innifsek hija ċ-ċavetta għal xogħol ta’ kull tip li jsir b’suċċess mid-dar. Dan għax tagħraf kif tikkomunika b’mod ċar (ħalli s-superjuri u l-kollegi tiegħek ikunu jafu x’qed tagħmel), titgħallem taħdem b’mod konsistenti (fin-nuqqas ta’ rispons li tista’ tirċievi f’ambjent ta’ uffiċċju) u tirrikonoxxi meta għandek tieħu pawsa. 

Meta ttejjeb il-prestazzjoni tiegħek mid-dar u tirrealizza li s-sistema tiegħek qed taħdem, ir-riżultati jaslu waħidhom. Dan ifisser li twettaq l-affarijiet żgħar b’mod tajjeb, bħal li jkollok post definit fejn taħdem u li ssegwi rutina. 

Minkejja l-isfidi ovvji meta ġġib ix-xogħol id-dar, jidher li għal xi wħud ikun jaqbillek. Il-maġġoranza vasta ta’ dawk li jaħdmu ‘l bogħod mill-uffiċċju jgħidu li qed jieħdu gost bil-mod kif qed jgħixu u jaħdmu.