Nagħtu iżjed importanza lid-dinjita’ umana li tinsab fil-periklu
Xi tfisser tkun uman? Li tkun uman għandha implikazzjonijiet partikulari. Il-kuxjenza umana u l-azzjonijiet li jsiru biex iħarsu d-dinjita’ umana jagħtu tifsira speċjali lill-kunċett tal-umanita’.
Meta nabbandunaw l-isforzi li jħarsu d-dinjita’ umana, nitilfu t-tifsira essenzjali li tkun uman. Meta nonqsu mill-impenn tagħna dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkunu qed nabbandunaw il-prinċipji morali tagħna. Imbagħad joktru t-taħwid, il-korruzzjoni u d-diversi kriżijiet umanitarji li qed nesperjenzaw fid-dinja llum.
Għaddew aktar minn żewġ sekli mindu l-kunċett tad-drittijiet tal-bniedem kien żviluppat. Matul dak iż-żmien l-umanita’ għaddiet minn diversi stadji tal-istorja u d-dinja rat bidliet kbar. Fid-dinja kontemporanja, hekk kif il-ħakma tagħna tal-valuri u l-prinċipji fundamentali tad-drittijiet tal-bniedem qed tiddgħajjef, qed nirriskjaw li nitilfu drittijietna, ir-responsabbiltajiet u s-saħħa biex inħarsu d-dinjita’ umana.
L-istorja turina li l-falliment morali huwa dejjem akkumpanjat minn realtajiet koroh u li huma viżibbli kullimkien. Il-kriżi dinjija tar-refuġjati qed teħżien kuljum u miljuni ta’ refuġjati ġew sforzati biex iħallu darhom minħabba l-gwerra u l-faqar. Malta tħabbat wiċċha ma’ dan il-fenomenu bil-wasla ta’ immigranti li biex ikollhom futur aħjar. Barra minn hekk l-ambjent fejn ngħixu qiegħed kontinwament jiġi meqrud bl-iżvilupp u l-bilanċ ekoloġiku jibqa’ dejjem aktar fraġli. Il-kriżijiet politiċi, partikularment fir-reġjun Ewropew, għadhom jippersistu u l-governanza demokratika ilha li qabdet it-triq għan-niżla.
Il-kunċett tad-drittijiet tal-bniedem jeħtieġ li jiġi rivedut. Id-drittijiet tal-bniedem huma valuri komuni. Meta l-abbużi jitwettqu kontra xi ħadd f’soċjeta’, id-dinjita’ umana tkun kompromessa. Huwa biss meta d-drittijiet ta’ kull individwu jkunu mħarsa u jingħataw protezzjoni li l-umanita’ tista’ tikseb osservanza komuni. Tali hu l-prinċipju tad-drittijiet tal-bniedem, fis-sempliċita’ kollha tiegħu. Imma għarfien komuni ta’ din il-verita’ għadu ‘l bogħod. Għaliex? Jista’ jkun għax aħna egoisti wisq jew għax neqsin mill-kuraġġ? Jew forsi, m’aħniex onesti u mhux veru li nħobbu l-ħajja biżżejjed.
Jekk verament nemmnu fil-valuri li lkoll kemm aħna nidentifikaw magħhom u naspiraw għalihom – il-verita’, l-apprezzament tax-xjenza u l-ambjent, l-imħabba tagħna nfusna u lejn ħaddieħor, ir-rispett għall-ħajja u l-fiduċja fis-soċjeta’ – allura rridu neliminaw l-ostakli li jxekkluna biex nifhmu u nħarsu d-definizzjoni fundamentali tal-umanita’, nisħqu fuq il-valur komuni tal-ħajjiet umani u ta’ ħajjiet oħrajn kif ukoll nemmnu li l-bniedem u l-ambjent jiddependu minn xulxin.
Twemmin fina nfusna u fl-oħrajn, il-fiduċja fil-qawwa tal-umanita’ li tagħmel dak kollu li hu tajjeb u r-rikonoxximent tal-valur tal-ħajja – dawn isawwru l-pedament għall-valuri umani kollha u l-isforzi umani kollha.