Bżonn ta’ aktar nies ta’ fibra
Mijiet ta’ żgħażagħ qed jiggradwaw mill-Universita’ wara snin ta’ studju, bżulija u sagrifiċċji biex minn issa ‘l quddiem isibu ruħhom fis-suq tax-xogħol. Il-ħaddiema żgħażagħ se jassistu għal fażi oħra f’ħajjithom fejn iridu jagħtu s-sehem tagħhom u jkunu produttivi.
Il-gradwati ġodda, f’xi ħin jew ieħor, jistgħu jiltaqgħu ma’ sitwazzjonijiet fejn iridu jagħmludeċiżjonijiet bażati fuq il-kuxjenza u l-integrita. Illum f’pajjiżna, aktar minn qatt qabel, jeħtieġ li jkollna aktar nies onesti u ta’ integrita’ fejn jagħrfu jagħmlu distinzjoni bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Mhux ta’ bejn li l-Isqof Awżiljarju Joe Galea Curmi, fl-omelija tiegħu waqt quddiesa għal gradwati ġodda fil-jiem li għaddew, saħaq dwar il-valuri importanti tal-integrita’, tar-rispett u biex il-bniedem jistinka għal soċjeta’ aħjar.
L-allegati każijiet ta’ korruzzjoni, li xxandru fil-media fix-xhur u fil-jiem li għaddew, jistgħu jwaqqgħu lil dak li jkun biex jimxi mal-kurrent. Il-bniedem illum jeħtieġ li jkun aktar ġust f’għemilu anki meta dawk ta’ madwaru jaħsbuha differenti.
L-Universita’ tista’ tkun strumentali fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni. Mod kif tista’ tiġġieled il-korruzzjoni hu internament, billi tassigura l-akkwist kompetittiv tar-riżorsi għat-tagħlim, topponi n-nepotiżmu fiż-żieda tal-lecturers u biex tipprevjeni milli jkun hemm frodi fir-riżultati akkademiċi għal kisbiet personali.
Il-funzjoni soċjali tal-Universita’ hi li teduka u tgħammar lill-istudenti bl-għodda u bl-esperjenzi biex ikunu professjonjisti ta’ suċċess u ċittadini onesti. Dan jirrikjedi impenn qawwi mill-istituzzjoni terzjarja biex l-etika professjonali tkun mgħallma fil-fakultajiet kollha. L-etika edukattiva tnaqqas l-imġieba egoista fost l-istudenti u tnaqqas l-inklinazzjoni tagħhom biex iqarrqu.
Għaldaqstant, Voice of the Workers jittama li l-gradwati ġodda jużaw it-talenti tagħhom bil-għaqal u ma jaqgħux fin-nasbu li jridu jaqilgħu l-flus malajr billi saħansitra jirrikorru għal prattiċi llegali li jikkorrompuhom. Għall-kuntrarju, għandhom ikunu l-katalisti biex iġibu l-bidliet għal ħajja aħjar u dan biex ikollna istituzzjonijiet aktar kredibbli.