Regolamenti ġodda dwar id-drittijiet minimi għall-ħaddiema fuq impjieg on-demand, bażat fuq il-ħlas bil-kupun jew oħrajn li jaħdmu fuq l-internet, bħal Uber jew Deliveroo, kienu approvati mill-Kumitat tax-Xogħol. 

L-Ewro Parlamentari fuq il-Kumitat tax-Xogħol qalu li persuna, li għal ċertu perijodu tagħti servizzi għal jew taħt id-direzzjoni ta’ persuna oħra filwaqt li titħallas, għandha jkun koperta b’dawn id-drittijiet konkreti ġodda. 

Dan ifisser li ħaddiema każwali jew f’impjieg għal perijodu qasir, ħaddiema on-demand, ħaddiema irregolari, ħaddiema bil-kupun, ħaddiema li jaħdmu fuq l-internet, kif  ukoll ħaddiema domestiċi, freelancers, u apprentisti, jixirqilhom sett ta’ drittijiet minimi, sakemm jilħqu dawn il-kriterji:- 

Trasparenza 

Skont it-test approvat, il-ħaddiema kollha jeħtieġ li jkunu informati mill-ewwel jum dwar l-aspetti essenzjali tal-kuntratt tagħhom, bħat-tul ta’ żmien tiegħu, il-perijodi tan-notice u s-salarju bażiku inizjali. L-Ewro Parlamentari introduċew prerekwiżit għal min iħaddem biex jipprovdu tali informazzjoni bil-miktub u jinkludu dettalji dwar it-taħriġ, il-bonuses u l-ħlasijiet tas-sahra. 

Forom ġodda ta’ impjieg 

Sabiex ikunu koperti forom ġodda ta’ impjieg, l-Ewro Parlamentari ffokaw fuq l-irfinar ta’ sett speċifiku ta’ drittijiet u sigurta’. 

  • Skedi varjabbli ta’ xogħol: il-ħaddiema għandhom ikunu informati dwar sigħat imħallsa garantiti u l-ħlas ta’ xogħol imwettaq flimkien ma’ dawk is-sigħat garantiti. Iż-żmien li fih min iħaddem jista’ iħassar kuntratt, wara li l-ħaddiem ikun intitolat għar-remunerazzjoni, ukoll għandu jkun indikat. 
  • Sigħat tax-xogħol prevedibbli: il-ħaddiema fuq kuntratti on-demand jew forom simili ta’ impjieg għandhom jibbenefikaw minn livell minimu ta’ stabbilta’ u previdibilita’ u jkunu kapaċi jirrifjutaw, mingħajr konsegwenzi, xi xogħol lil hinn mis-sigħat stabbiliti jew inkella jitħallsu jekk ix-xogħol ma kienx ikkanċellat fil-ħin. 
  • Aktar minn impjieg wieħed: min iħaddem m’għandux jipprojbixxi, jissanzjona jew iċaħħad lill-ħaddiema milli jaħdmu ma’ kumpaniji oħrajn. 

Il-perijodu tal-probation u t-taħriġ 

Il-perijodi tal-probation m’għandhomx ikunu itwal minn sitt xhur, jew  disa’ xhur f’każ ta’ pożizzjonijiet maniġerjali, sabiex ikun assigurat li kuntratt imġedded ma jirriżultax f’perijodu ġdid ta’ probation. Taħt l-ebda ċirkostanza m’għandu jkun possibbli li l-perijodu tal-probation ikun estiż waħdu. 

L-Ewro Parlamentari appoġġjaw il-proposta li taħriġ mandatorju għandu jkun provdut bla ħlas minn min iħaddem u żiedu l-provvediment li għandu jintemm fi żmien is-sigħat tax-xogħol u jgħodd bħala ż-żmien tax-xogħol.