Ħtieġa urġenti ta’ awditjar tal-housing soċjali
“Wasal iż-żmien li jsir awditjar serju tal-housing soċjali preżenti”. Kliem Albert Buttigieg, eks Kap Eżekuttiv tal-Awtorita’ tad-Djar f’intervista li saritlu minn Voice of the Workers.
Hu stqarr li jekk, fil-housing soċjali, qed jgħixu persuni li għandhom edukazzjoni terzjara u li tejbu l-qagħda soċjali tagħhom, dawn m’għandhomx jitħallew jokkupaw post tal-Gvern. “Jekk 20 sena ilu dawn in-nies ma kinux b’saħħithom ekonomikament imma llum tejbu l-qagħda tagħhom, huwa ġust li jitħallew jgħixu hemm?”, jistaqsi Buttigieg.
Għaldaqstant Albert Buttigieg qed jesiġi li għandu jsir dan l-awditjar sabiex ikun stabbilit kemm hemm nies li tabilħaqq jistħoqqilhom jibqgħu fil-housing soċjali. Hu qal li l-Gvern irid jimxi fuq politika soċjali ta’ empowerment milli ta’ dipendenza. “Il-Gvern hu fl-obbligu li jgħin imma jgħin lill-individwu biex iqum fuq riġlejh u jedukah sabiex jagħmel deċiżjonijiet ħalli jimxi ‘l quddiem u mhux biex jibqa’ għarrkobbtejh”, sostna Albert Buttigieg.
Hu saħaq li “ma jistax ikun li dawn in-nies jibqgħu dipendenti fuq is-servizzi soċjali għal għomorhom u li din is-sitwazzjoni tintiret minn ġenerazzjoni għal oħra”, filwaqt li żied li “ż-żewġ partiti politiċi u l-partijiet interessati li jaħdmu fil-qasam soċjali jaqblu li din il-qagħda ma tibqax tirrenja”.
Hu kompla li anki l-kirjiet m’għandhomx ikunu għal dejjem imma għandhom ikunu marbutin ma’ ċertu perijodu.
Intant bħalissa għandna sitwazzjoni fejn il-prezz tal-proprjeta’ qed jogħla u l-kirjiet ukoll qed jogħlew. Il-proprjeta’ qed togħla minħabba l-fatt li pajjiżna hu żgħir u r-riżorsa tal-art hi limitata. Insibu diversi appartamenti li ma jilħqux il-bwiet ta’ ħafna Maltin. Jeżistu appartamenti, f’ċertu postijiet, li kważi jaqbżu l-€1 miljun u min bi ħsiebu jixtri l-ewwel proprjetà tiegħu żgur li m’għandux il-flus biex jakkwista tali appartament.
Insibu wkoll il-kirijiet li qed jogħlew minħabba, fost oħrajn, in-numru ta’ barranin li ġew jgħixu f’Malta. Uħud mill-barranin, li qed jaħdmu b’salarju kbir, jaffordjaw iħallsu kirja għolja. Naraw li f’appartament ta’ tliet kmamar tas-sodda, qed jidħlu sitt persuni u qed jaqsmu l-prezz tal-kirja li meta tgħoddhom flimkien il-prezz jiġi wieħed għoli ħafna.
Għalhekk qed insibu faxxa ta’ Maltin li qed isibu diffikulta’ biex jixtru jew biex jikru. Gvern taħt amministrazzjoni preċedenti u l-Gvern attwali pprovaw jindirizzaw din il-problema. Saru sforzi biex dak li jkun isir is-sid ta’ daru tant li kien hemm diversi skemi, indirizzati partikularment għal koppji żgħar, biex ikollhom il-proprjeta’ tagħhom.
“Il-Gvern irid jimxi fuq politika soċjali ta’ empowerment milli ta’ dipendenza”
Kien hemm u għad hemm ukoll diversi skemi oħrajn fejn wieħed jiġi megħjun biex jikri jew mingħand il-privat, u allura hemm skema ta’ sussidju fuq il-kirja tal-privat, jew inkella l-Gvern jikri l-proprjeta’ hu stess imbagħad jagħmel sub-letting. Il-Partit Laburista, meta kien fl-Oppożizzjoni, kien ikkritika din l-aħħar inizjattiva imma l-lum li jinsab fil-Gvern ra l-benefiċċju tagħha tant li estendiha.
Albert Buttigieg ma jaqbilx li għandu jitla’ aktar housing soċjali. Dan għax, skont hu, ħafna min-nies li qiegħdin fuq il-lista tas-social housing għandhom problemi soċjali. “Jekk tiġbor dawn in-nies kollha flimkien se jinħoloq ghetto u allura tasal biex tagħmel ghettoization tal-persuna”, stqarr Albert Buttigieg. Hu qal li xi studji jikkonfermaw li z-zoni tad-djar (housing estates) jiġbdu aktar problemi soċjali. Hu jikkontendi li idea tajba li l-Gvern qed jibni aktar djar sabiex, għal żmien, isolvi d-diffikulta’. Imma fl-aħħar mill-aħħar se jispiċċa biex joħloq aktar problemi aktar ma jgħaddi ż-żmien. Dan għax, jekk ma joqgħodx attent, fiz-zoni li qed jinbnew jista’ jkun hemm probabbilta’ kbira li jinbtu problemi soċjali. “Ikun solva problema u joħloq problemi oħrajn”, żied jgħid Buttigieg.
Hu jemmen ħafna f’din l-iskema li reġa’ ħareġ il-Gvern fejn hu jikri mingħand il-privat imbagħad mill-privat jipprova jifrex kemm jista’ jkun lil dawn il-persuni ħalli b’hekk dawn tal-aħħar jintegraw fis-soċjeta’.
Dwar din l-iskema, li qed tkun finanzjata mill-fondi li l-Gvern ġab mill-iskema tal-bejgħ tal-passaporti, Albert Buttigieg iqajjem tħassib dwar l-ispejjeż għall-manutenzjoni ta’ dawn id-djar, liema manutenzjoni tkun kbira ħafna.
“Studji jikkonfermaw li z-zoni tad-djar jiġbdu aktar problemi soċjali”
Hu ma jaqbilx mal-fatt li f’ċertu zoni fejn, sfortunatament, diġa’ għandhom timbru ta’ problemi soċjali, jitgħabbew b’housing soċjali ieħor. Deċiżjoni li ittieħdet taħt l-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista, kienet li ma jinbeniex housing soċjali ieħor fil-Kottonera. Il-Gvern ta’ dak iż-żmien kien argumenta li jekk f’din iz-zona d-densita’ tal-popolazzjoni kienet waħda għolja u fejn kien hemm ħafna problemi soċjali, ma kienx għaqli li jiżdiedu aktar appartamenti soċjali b’aktar diffikultajiet.
Jidher, iżda, li l-Gvern preżenti jrid jirrevoka din id-deċiżjoni u se jibni housing soċjali f’Bormla. Albert Buttigieg qal li għall-perijodu qasir il-Gvern se jkun qed isolvi l-problema imma għal żmien fit-tul se jkun qed joħloq diffikultajiet soċjali akbar milli sfortunatament diġa’ jeżistu.