Iċ-ċittadin għandu rwol importanti f’demokrazija
Iċ-ċittadini għandhom id-dritt kollettiv li jagħżlu s-sistemi governattivi, politiċi u elettorali tagħhom. L-awtorita’ ta’ gvern, bl-istess mod, tiġi mir-rieda tal-poplu fl-għażla taċ-ċittadini ta’ dawn is-sistemi, u l-istess ċittadini għandhom dritt li jieħdu sehem fil-gvern tagħhom, inkluż permezz ta’ elezzjonijiet ġenwini, sabiex ikun determinat min leġittimament jista’ jokkupa l-uffiċċji tal-gvern.
Ta’ min ifakkar li dawn ir-regoli ġenerali huma inkorporati fid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem u fil-kostituzzjonijiet moderni fl-Ewropa u lil hinn. Gvern demokratiku hu “tal-poplu, mill-poplu u għall-poplu”. Fil-qosor, ilkoll għandna niftakru li dawn ir-regoli tabilħaqq ifissru hekk: il-gvernijiet huma tan-nies; il-proċessi governattivi huma tan-nies u l-elezzjonijiet huma tan-nies.
Hu kunċett sempliċi imma fl-istess ħin kumplikat. M’hemm l-ebda demokrazija mingħajr l-impenn tan-nies. L-impenn hu dritt u responsabbilta’ taċ-ċittadini biex id-demokrazija titħaddem, tiżviluppa ruħha u tkun sostnuta.
L-impenn taċ-ċittadin jieħu forom tanġibbli u jservi skopijiet partikulari sabiex ħajjet in-nies titjieb. L-impenn taċ-ċittadin ifittex l-iżvilupp ekonomiku, soċjali, kulturali u politiku, inkluż il-provvediment ta’ opportunitajiet, riżorsi, servizzi u sigurta’.
Sabiex id-demokrazija tiffunzjona, iċ-ċittadini jridu jkunu informati dwar kwistjonijiet jew aspetti biex itejbu ħajjithom. Iridu jingħaqdu flimkien sabiex jesprimu l-opinjonijiet u l-preferenzi tagħhom ħalli jaraw li l-gvern jirrispondi għall-opinjonijiet tal-poplu, u b’hekk iżommu lil Gvern responsabbli u kontabbli ta’ għemilu. Sabiex ikun informat, il-poplu jeħtieġ informazzjoni preċiża u f’waqtha, partikularment tagħrif miżmum mill-Gvern. Iċ-ċittadini jridu jitgħallmu minn dawk li jikkompetu fil-politika jekk il-politiċi humiex lesti li jgħaddu dik l-informazzjoni għall-ġid tal-poplu.
L-aċċess għall-informazzjoni hu essenzjali għal poplu informat. Dan għax it-trasparenza hi neċessita’ f’demokrazija. Iċ-ċittadini, inkluż il-politiċi, ukoll iridu jkunu ħielsa sabiex jagħtu l-opinjonijiet tagħhom fuq il-proċess governattivi u l-affarijiet pubbliċi; inkella ċ-ċittadini ma jistgħux jiġu informati kif inhu xieraq, u lanqas ma jistgħu jagħmlu l-għażliet tagħhom b’mod liberu.
L-ostakli għall-parteċipazzjoni taċ-ċittadin huma ħafna f’kull pajjiż, inkluż f’Malta. Huma sottili u ovvji, żgħar u formidabbli, u bbażati fuq diversi fatturi. Sabiex iċ-ċittadinanza sħiħa tkun tista’ tintlaħaq, jeħtieġ li neliminaw dawn l-ostakli, kemm jekk huma bbażati fuq il-ġeneru, ir-razza, l-etniċita’, ir-reliġjon, l-eta’ jew stat ieħor. Jekk le, allura d-dritt li b’mod ħieles nivvotaw fl-elezzjonijiet ikun essenzjalment imċaħħad, u l-kredibbilta’ governattiva tiddgħajjef sal-punt li dawn l-ostakli jkunu jeżistu.