Żmien il-ġurnali spiċċa jew qed jaddattaw fl-era diġitali?
Il-ġurnali qed ‘imutu’? Dan hu dibattitu li ilu għaddej u reġa’ tfaċċa fl-aħbarijiet. Ħafna jsostnu li t-tmiem tal-ġurnal ta’ kuljum hu kwistjoni ta’ żmien – u ma tantx baqa’ żmien. Il-futur tal-ġurnaliżmu jinsab fid-dinja diġitali tal-websites u l-apps u mhux fil-media stampata.
Min-naħa l-oħra hemm min jinsisti li l-ġurnali u l-gazzetti ilhom magħna għal għexieren ta’ snin u għalkemm l-maġġoranza tal-aħbarijiet tista’ issibha fuq l-internet, il-ġurnali għad fadlilhom iżjed ħajja.
Allura min għandu raġun?
Dawk li jsostnu li żmien il-ġurnali spiċċa jisħqu li ċ-ċirkolazzjoni tal-gazzetti naqset drastikament, id-dħul minnhom ixxotta u l-industrija esperjenzat mewġa ta’ sensji f’dawn l-aħħar snin. Madankollu, ix-xettiċi tal-media stampata jgħidu li l-internet hu biss sors aħjar minn fejn tista’ tikseb l-aħbarijiet. Huma jgħidu li fuq l-internet, il-ġurnali huma live u jistgħu jissupplimentaw iċ-ċirkolazzjoni tagħhom bl-awdjo, bil-filmati u bir-riżorsi imprezzabbli tal-arkivji vasti tagħhom.
Xi kummentaturi jsostnu li l-ġurnali għadhom ma spiċċawx, almenu s’issa. Iva, l-media stampata qed taffaċċja żminijiet iebsin, u iva, l-internet jista’ joffri ħafna affarijiet li l-ġurnal stampat ma jistax joffri. L-esperti fil-ġurnaliżmu tabilħaqq ilhom ibassru t-tmiem tal-gazzetti għal bosta snin. Ir-radju, it-televiżjoni u issa l-internet suppost kellhom joqtlu l-media stampata imma l-ġurnali għadhom hemm. Dawk li jisħqu li l-futur tal-aħbarijiet huwa online u biss fuq l-internet jinjoraw punt kritiku – li d-dħul biss mir-reklami fuq l-internet mhux biżżejjed biex jappoġġja l-kumpaniji tal-aħbarijiet.
Possibbilta’ li għadha ma daħlitx f’pajjiżna hi dik tal-paywalls fejn il-qarrej jintalab iħallas miżata sabiex jingħata servizz tal-aħbarijiet. Ħafna ġurnali u websites barranin qed japplikaw din is-sistema biex jiġġeneraw id-dħul meħtieġ tagħhom. Ir-riċerka turi li s-suċċess tal-paywalls flimkien ma’ abbonament ta’ ġurnal stampat wassal għal stabbilta’, jew f’xi każi, saħansitra għal żieda fid-dħul miċ-ċirkolazzjoni.
Fiż-żmien ta’ Netflix li qed ngħixu bħalissa, ħafna nies qed jaċċettaw li jħallsu għal kontenut ċinematografiku. Bl-istess argument, allura, wasal iż-żmien li l-pubbliku jħallas għal kontenut ta’ aħbarijiet li jittella’ online. Għaliex inħallsu biex ikollna l-ġurnal stampat f’idejna u ma nagħmlux l-istess għal ġurnal elettroniku? Tajjeb li wieħed ikun jaf li wara kull artiklu mħejji bil-għaqal u mtella’ online, hemm sigħat ta’ ħidma u dan għandu jkun apprezzat kif inhu xieraq.
Kollox ma’ kollox, sakemm xi ħadd jiġi bi spjegazzjoni ta’ kif biss jagħmel il-ġurnal elettroniku profittabbli, il-ġurnal stampat mhux se jitlaq. Il-ġurnali u l-gazzetti jibqgħu l-aktar sorsi ta’ informazzjoni fdati li n-nies iddur lejhom fid-dawl ta’ aħbarijiet foloz li jittellgħu online jew għal storja reali meta l-media soċjali tesponi informazzjoni dwar xi avveniment li tkun żbaljata.