Xirja ta’ oġġetti essenzjali minn tliet  supermarkets ewlenin f’Malta żdiedet b’medja ta’ €7.20 mill-bidu tas-sena skont studju li qed isir mill-UHM Voice of the Workers. Iż-żieda hija konferma oħra li ż-żieda tal-għoli tal-ħajja ta’ €1.75 li rċevew il-ħaddiema mill-bidu ta’ din is-sena ta tibdiex meta mqabbla mal-ispejjeż dejjem jogħlew li qed jiffaċċjaw il-familji.

Dan kollu jikkonferma wkoll it-tħassib dwar iż-żieda allarmanti fl-għoli tal-ħajja li bdiet bil-pandemija tal-Covid-19 u sussegwentement kompliet bil-gwerra fl-Ukrajna. Barra minn hekk, l-istudju jaqbel mal-istatistika uffiċjali maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fejn fi Frar li għadda oġġetti tal-ikel esklużi ristoranti u take-aways irreġistraw żieda ta’ 9 punti perċentwali meta mqabbla ma’ Frar tal-2021.

L-istudju ta l-UHM huwa bbażat fuq il-varjazzjonijiet fil-prezz ta’ oġġetti essenzjali bħall-ikel u prodotti tal-ħasil kif osservat fi tliet supermarkets ewlenin. Dawn l-osservazzjonijiet kontinwi qed isiru darba fix-xahar u l-prezzijiet ikunu mqabbla. Madankollu, oġġetti bħal ħelu, alkoħol, tipi oħra ta’ xorb u sigaretti ma kinux inklużi.

Jirriżulta li bejn Jannar u April kull xirja għoliet minn €4.23 sa €11.69. Dawn huma ekwivalenti għal żieda li tvarja bejn 3% sa 9% fuq kull xirja.

L-analiżi tipprova tistabbilixxi wkoll l-impatt li qed ikollha ż-żieda ta’ €1.75 biex ittaffi din iż-żieda. Għal dan l-eżerċizzju ittieħed xenarju  li fih il-prezzijiet bejn issa u l-kumplament ta’ din is-sena mhux se jiżdiedu. Dan biex żgur ma jkunx hemm spekulazzjoni biċ-ċifri. Barra minn hekk, il-kalkolu hu bbażat fuq ħames xirjiet bħal dawn kull xahrejn. Minkejja dan, jirriżulta li anke f’xenarju bħal dan il-COLA ma tkoprix iż-żieda fl-ispiża ta’ sena sħiħa peress li jkun hemm differenza ta’ bejn €14.75 sa €201.08 li tkun trid tinħareġ minn ġewwa.

L-ogħla żidiet fil-prezzijiet ġew irreġistrati għaċ-ċanga friska u l-prodotti tat-tiġieġ, prodotti tal-ħalib, deterġenti u toilet paper, kafè u għaġin. Fattur interessanti hu li m’hemm l-ebda supermarket li joffri l-orħos prezzijiet fuq il-prodotti kollha. Għalhekk, sakemm wieħed ma jkunx lest li jiddedika sigħat twal biex idur is-supermarkets ta’ Malta kollha, mhux possibbli li tikseb l-aħjar offerti fuq il-prodotti kollha. Madankollu, f’dan l-eżerċizzju partikolari Pavi-Pama rriżulta li kien l-orħos supermarket b’mod ġenerali.