Żieda ta’ aktar minn 100,000 ħaddiem f’għaxar snin
Fl-aħħar għaxar snin, is-suq tax-xogħol f’Malta kiber b’aktar min-nofs bin-numru ta’ nies jaħdmu bi qliegħ jilħaq kważi 275,000. Dan hu riżultat ta’ żieda qawwija fil-popolazzjoni minħabba influss ta’ ħaddiema barranin iżda hija wkoll minħabba rata ta’ parteċipazzjoni ogħla fost il-Maltin.
Dettalji dwar ix-xejriet demografiċi tal-forza tax-xogħol tal-Gżejjer Maltin ħarġu mit-tielet u l-aħħar rapport taċ-ċensiment tal-2021.
Jirriżulta li n-numru ta’ persuni ta’ 15-il sena jew aktar li kellhom impjieg tela’ minn 171,855 fl-2011 għal 273,955 fl-2021 – żieda ta’ 102,100. Apparti l-popolazzjoni ż-żieda kienet ukoll f’termini tar-rata ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol li telgħet minn 48.3% fl-2011 għal 60.6% għaxar snin wara.
Minbarra r-rabta evidenti bejn ix-xogħol u l-età ta’ dawk li wieġbu, ħarġu wkoll xejriet oħra. Filwaqt li proporzjon ogħla ta’ rġiel kellhom xogħol, id-differenza fis-suq tax-xogħol bejn iż-żewġ sessi naqset progressivament matul l-aħħar għaxar snin. Fil-fatt, fl-2021, persentaġġ ogħla ta’ nisa (52.9%) kellhom xogħol meta mqabbla mal-2011 (36.2%), filwaqt li dawk li jieħdu ħsieb id-dar u/jew il-familja naqsu minn 41.8% fl-2011 għal 25.9% fl-2021.
Din ix-xejra tikkonferma s-suċċess tal-politika tas-suq tax-xogħol li kienet ġiet imnedija mill-UHM Voice of the Workers u li sussegwentement kienet implimentata mill-gvern.
Minkejja d-daqs ġeografiku żgħir tal-Gżejjer Maltin, xorta waħda kien hemm varjazzjonijiet reġjonali sinifikanti fir-rati tal-impjieg. F’lokalitajiet li għandhom popolazzjoni li qed tixjieħ, speċjalment dawk fin-Nofsinhar tal-Port (Bormla, Floriana, Ħal Luqa, Ħal Tarxien, Ħaż-Żabbar, Il-Birgu, Il-Fgura, Il-Kalkara, Il-Marsa, Ix-Xgħajra, L- Isla, Raħal Ġdid, Santa Luċija, Valletta) u f’Għawdex, kien hemm rati aktar baxxi ta’ attività fis-suq tax-xogħol u numru ogħla ta’ nies rtirati. F’dawn iż-żewġ reġjuni ir-rata ta’ dawk fis-suq tax-xogħol kienet kemxejn baxxa fil-livell ta’ 55.1% u 56.6%, rispettivament, meta mqabbla ma’ 62.3% f’distretti oħra. Min naħal-oħra dawk li kienu rtirati kienu f’livelli għola mill-medja b’ċifri ta’ 16.4% u 18.1%, rispettivament, meta mqabbla ma’ 13% f’distretti oħra.
Iċ-ċensiment tal-2021 jiżvela wkoll informazzjoni interessanti dwar fejn hemm l-akbar konċentrazzjoni ta’ postijiet tax-xogħol. Birkirkara li tinkorpora ż-żona industrijali tal-Imrieħel ġiet quddiem nett bi 17,553 li qalu li jaħdmu f’din il-lokalità, segwiti mill-Belt Valletta bi 13,682 u l-Imsida (li jinkorpora l-Isptar Mater Dei u l-Università) bi 13,596. Ħal Qormi, Ħal Luqa u Tas-Sliema jinsabu wkoll fl-ewwel postijiet.
Din id-distribuzzjoni ġeografika tinfluwenza bil-kbir is-sitwazzjoni tat-traffiku li fl-aħħar snin saret waħda kritika fl-inħawi fejn hemm l-aktar postijiet tax-xogħol. Jidher ċar li n-netwerk tat-toroq eżistenti li f’din il-parti ta’ Malta mhux qed ilaħħaq mat-traffiku fil-ħinijiet li l-ħaddiema jkunu qed isuqu minn u lejn ix-xogħol. Min-naħa l-oħra spikkat il-lokalità tal-Fontana fejn kien hemm biss ħames impjegati li qalu l-post tax-xogħol tagħhom jinsab hemm.
In-numru ta’ impjegati li jistgħu jqisu lilhom infushom xxurtjati minħabba li m’għandhomx għalfejn isuqu sax-xogħol u lura minħabba li jaħdmu mid-dar kien ta’ 18,122. Madwar 10.3% (28,163) tal-ħaddiema qalu li x-xogħol tagħhom ma kellu l-ebda lokalità fissa. Dan kien l-aktar prevalenti fost l-irġiel (14.3%) milli n-nisa (4.7%).
Madwar żewġ terzi tal-Għawdxin jaħdmu hemm stess filwaqt li 12.8% qalu li ma kellhomx post tax-xogħol f’lokalità fissa. Min naħa l-oħra, 127 individwu residenti Malta jivjaġġaw lejn Għawdex fuq xogħol. Kien hemm ukoll 1,196 persuna li jaħdmu barra l-pajjiż iżda li jiġu regolarment Malta biex iżuru l-familja jew id-dar tagħhom.