Għandna nipproteġu l-ħajja dejjemkullimkien u f’kull stadju tagħha u li naħdmu biex il-kwalita’ tal-ħajja ntejbuha f’kull aspett. Il-ħajja tal-bniedem għandha tiġi protetta billiġi mit-tnissil tagħha sal-mewt. Għaldaqstant l-abort ma jistax ikun dritt uman – huwa kompletament l-oppost.   

Il-ħajja tal-bniedem, sa mill-ewwel jiem tal-eżistenza tiegħu, tista’ tkun mhedda meta xi pilloli jew mediċini oħrajn jittieħdu bl-iskop li l-ħajja li ġiet konċepita fil-ġuf ma titħalliex tiżviluppa, anzi tinqered. L-effett ta’ ċertu pilloli f’ċertu ċirkostanzi jista’ jwassal għall-abort. Persuna li serjament qed tgħix skont it-twemmin nisrani tagħha għandha l-obbligu morali li tinforma lilha nnifisha dwar l-effetti kollha ta’ dawn il-mediċini sabiex tieħu deċiżjonijiet responsabbli favur il-ħajja. 

F’każ ta’ dubju xjentifiku dwar kif il-prodotti mediċinali jaħdmu, id-deċiżjoni trid dejjem tkun favur il-protezzjoni tal-ħajja. Il-kuxjenza ta’ professjonisti tas-saħħa, li jkollhom oġġezzjonijiet biex jippreskrivu jew ibigħu l-mediċini minħabba dubji xjentifiċi fuq l-effetti tagħhom, għandha tkun rispettata. 

It-tobba professjonisti għandhom l-obbligu sagrosant li jipproteġu l-ħajja u mhux jeqirduha. Il-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom għandhom ikunu xhieda bil-kliem u bl-eżempju li l-ħajja tal-bniedem għandha valur u hi invjolabbli. Bħala tali, il-ħajja umana għandha tingħata l-imħabba, tkun imħarsa u indokkrata 

Madankollu, f’pajjiżna s-suġġett tal-abort reġa’ qam u dan l-aħħar żviluppa f’ballun politiku. Jalla ma naslux fi stat li ndaħħlu l-abort. Wieħed jistaqsi, x’se jiggwadanja l-pajjiż jekk l-abort isir legali? 

Jekk aħna l-Maltin ngħidu li aħna nsara, jekk irridu nkunu persuni ta’ prinċipju, għandu jkollna tolleranza zero lejn din it-theddida kontra l-ħajja.