Xogħol fl-UE
Taħt Artiklu 45 tat-Trattat tal-Funzjoni tal-Unjoni Ewropea, il-libertà tal-moviment tal-ħaddiema għandha tkun assikurata fi ħdan il-fruntieri tal-UE. Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jaħdem fi stat membru tal-UE ieħor u m’għandux ikun iddiskriminat għal raġunijiet ta’ nazzjonalità.
L-UE toffri firxa wiesgħa ta’ opportunitajiet għal ċittadini biex jaħdmu fi ħdan ambjent multi-nazzjonali u multi-lingwu. Fil-fatt, l-istituzzjonijiet Ewropej jimpjegaw aktar minn 40,000 impjegat minn madwar l-UE. L-Uffiċċju Ewropew għall-Għażla tal-Ħaddiema (EPSO) huwa ċ-ċentru prinċipali għal dawk iċ-ċittadini li jixtiequ jaħdmu għall-UE. L-EPSO jorganizza “kompetizzjonijiet miftuħin” biex jirreklutaw impjegati ġodda permezz ta’ serje ta’ dmirijiet u studji li jassiguraw l-impjieg ta’ ħaddiema permanenti u oħrajn mhux permanenti. Il-kompetizzjonijiet isiru fi ħdan diversi kategoriji tal-ħaddiema nkluż dawk relatati mat-traduzzjoni, it-tmexxija tal-proġetti, il-politika u l-lingwistika.
L-UE tippermetti liċ-ċittadini tal-UE biex ikollhom idea tax-xogħol tagħha permezz ta’ apprendistati, li huwa speċifikament immirat għall-gradwati tal-università. L-apprendisti jkunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet professjonali tagħhom, jiksbu għarfien tal-ħidma tal-UE u jsaħħu l-kwalitajiet personali. L-apprendistati huma offruti f’firxa wiesgħa ta’ oqsma, mill-politika ambjentali sar-riżorsi umani għal perijodu ta’ tliet jew ħames xhur.
L-EU Careers Student Ambassadors scheme hija opportunità oħra mogħtija lill-istudenti tal-Università biex jippromwovu l-karrieri fl-UE u jiksbu esperjenza ta’ xogħol. Ir-rwol prinċipali ta’ ambaxxatur hu li jiddistribwixxi l-informazzjoni dwar opportunitajiet ġodda billi jkun il-punt ta’ referenza għal studenti interessati f’karriera fil-ġejjieni mal-UE. Applikazzjonijiet għall-EU Careers Student Ambassadors f’Malta issa jinsabu miftuħin għal studenti mill-Università ta’ Malta u mill-MCAST.
Li taħdem għall-UE tista’ tiġi mfissra bħala sfida. Dan ifisser li l-kontribut tiegħek se jinfluwenza l-ħajjiet ta’ aktar minn 500 miljun ċittadini Ewropew kuljum.