X’nistennew mill-manifesti elettorali tal-partiti politiċi?
Il-partiti politiċi jinsabu fil-proċess li jħabbru l-programmi elettorali rispettivi tagħhom għall-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu. Il-UHM Voice of the Workers ilha żmien tressaq il-proposti tagħha li jiffokaw primarjament fuq is-suq tax-xogħol, il-ħolqien tal-impjiegi, id-drittijiet tal-ħaddiema, l-ekonomija u l-kundizzjonijiet tal-impjieg.
L-ewwel konsiderazzjoni li trid issir hi dwar it-tip ta’ ekonomija li rridu. Jista’ l-pajjiż jibqa’ għaddej fit-triq ta’ mudell ekonomiku bbażat biss fuq in-numri, il-kwantitajiet u ċ-cheap labour? Jew wasal iż-żmien li nbiddlu r-rotta u nħarsu lejn setturi ta’ valur miżjud? Bħala l-iżgħar stat membru tal-UE bl-akbar densità ta’ popolazzjoni għolja, Malta qed tilħaq il-limitu. Iż-żieda enormi fil-popolazzjoni rreġistrata fl-aħħar għaxar snin, l-aktar permezz ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jiġu hawn biex jagħmlu xogħol b’paga baxxa qed tikkawża strapazz fuq l-infrastruttura tal-pajjiż. Huwa innegabbli li dan il-mudell ekonomiku qed iwassal għal żieda qawwija fil-prezzijiet tal-propjetà, żied fit-traffiku u aktar pressjoni fuq is-settur tal-kura tas-saħħa.
Il-UHM Voice of the Workers temmen bis-sħiħ li Malta għandha timxi lejn ekonomija bbażata fuq il-ħiliet u l-għarfien sabiex it-tkabbir ekonomiku jiġi ġġenerat permezz ta’ industriji aktar sostenibbli. Tali mudell se jservi wkoll biex inaqqas id-dipendenza fuq cheap labour, joħloq impjiegi mħallsa aħjar u b’hekk itejjeb il-kwalità tal-ħajja.
Kunsiderazzjoni oħra hija l-ħtieġa li jiġu rivitalizzati setturi bħall-agrikoltura u s-sajd li sfortunatament tħallew traskurati. Fl-istess ħin, iżda, qed jitressqu pjanijiet ambizzjużi biex jinħolqu spazji ħodor fiż-żoni urbani! Ma jagħmilx aktar sens li din il-kwistjoni tiġi ttrattata b’mod ħolistiku aktar milli b’mod sporadiku?
L-impjiegi prekarji u l-isfruttament tal-ħaddiema huma kwistjoni oħra li dwarha ntqal u kien imwiegħed ħafna iżda ftit li xejn sar. Sfortunatament, Malta għadha lura fejn tidħol is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol f’setturi bħall-industrija tal-kostruzzjoni. Qed jintilfu ħajjiet b’mod regolari, iżda jidher li traġedji bħal dawn qed jiġu ttrattati bħala inevitabbli – li mhux il-każ. Madankollu, l-akbar ħtija ta’ impjiegi prekarji huwa l-gvern stess. Minflok imexxi bl-eżempju, il-gvern qed jiġi jaqa u jqum mil-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ta’ valur ugwali. Dan qed isir permezz ta’ outsourcing ta’ core operations fejn l-impjegati fuq il-kotba tal-kuntrattur qed jagħmlu l-istess xogħol eżatt bħall-kollegi tagħhom tal-gvern, fl-istess post tax-xogħol, iżda jitħallsu inqas u b’kundizzjonijiet inferjuri. Xi membri tal-UHM bħas-sewwieqa tal-karozzi tal-linja għadhom jaħdmu 48 siegħa fil-ġimgħa, filwaqt li oħrajn mhux qed jingħataw ħlas doppju tal-Ħdud.
Dawn huma wħud mill-ilmenti li l-UHM ilha tressaq lill-partiti politiċi sabiex jiġu indirizzati dawn l-inġustizzji. Is-sejħa tagħna lill-partiti politiċi hi li jaqbdu l-barri minn qrunu, mhux biss billi jieħdu dawn il-proposti, iżda aktar importanti minn hekk li jimplimentawhom.