X’jingħad fuqna meta nirritornaw kartiera mitlufa?
X’tagħmel jekk issib kartiera mitlufa? Tara x’hemm fiha? Tieħu l-flus iżda tirritorna l-kartiera? Tħalliha f’xi għassa tal-Pulizija u tinsiha?
Riċerkaturi mill-Universitajiet ta’ Zurich, Michigan u Utah staqsew dawn il-mistoqsijiet fi studju riċenti biex jaraw kemm hawn nies onesti madwar id-dinja.
F’40 pajjiż, riċerkaturi li ppożaw taparsi ċittadini normali, għaddew madwar 17,000 kartiera falza lill-banek, teatri, uffiċċji postali, lukandi, għases tal-pulizija u binjiet pubbliċi oħrajn. Imbagħad qagħdu jistennew biex jaraw jekk impjegati f’dawn il-postijiet ikkuntattjawx lis-sidien tal-kartieri.
Fil-kartieri kien hemm il-business cards, bl-isem u informazzjoni personali fejn il-kartieri jistgħu jiġu ritornati, lista tal-merċa u ċavetta. Uħud mill-kartieri ma kellhomx flus filwaqt li oħrajn kellhom ftit kontanti.
Ir-riżultat prinċipali tar-riċerkaturi wera li kartieri bi ftit kontanti x’aktarx li jiġu ritornati lis-sidien tagħhom milli kartieri bla flus. Dan ir-riżultat kien veritier fi 38 minn 40 pajjiż (il-Messiku u l-Peru’ kienu l-eċċezzjonijiet).
Waqt li kienu qed jissoktaw bl-istudju tagħhom fit-tliet pajjiżi partikulari, jiġifieri fil-Polonja, fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti, ir-riċerkaturi sabu li meta l-kartiera jkollha aktar flus fiha, in-nies ħassew li jkunu qed jisirqu jekk ma jirritornawhiex lil sidha. Kien hemm eċċezzjoni waħda meta l-kartieri ġew mgħoddija fl-għases tal-pulizija. Hawnhekk instab li l-kartieri ma tantx kienu ritornati lis-sidien minn dawn il-postijiet. Probabbilment minħabba l-fatt li l-maġġoranza tistenna li s-sidien jagħmlu rapport għax tilfu l-kartiera jew jiċċekkjaw għaliha f’xi għassa.
L-istudju oriġinarjament kien intenzjonat biex jiffoka biss fuq pajjiżi Ewropej, imma dan twessa’ biex jinkludi pajjiżi oħrajn minn madwar id-dinja.
Christian Zϋnd, wieħed mill-awturi ta’ dan l-istudju, qal li hemm relazzjoni b’saħħitha bil-livell ta’ dħul finanzjarju taċ-ċittadini ta’ pajjiż. Hu żied li hemm differenza bejn l-Isvizzera, fejn iċ-ċittadini Svizzeri l-aktar li jirritornaw kartieri b’rata ta’ 76 fil-mija, meta mqabblin maċ-Ċina, fejn iċ-ċittadini Ċiniżi rritornaw biss 14 fil-mija. Zϋnd jispjega li dawn ir-rati juru ko-relazzjoni mal-Indiċi dwar il-Korruzzjoni ta’ Transparency International, li jfisser li aktar ma l-pajjiż ikun korrott, x’aktarx li kartiera inqas li tiġi ritornata.