Xirja ta’ oġġetti essenzjali żdiedet b’aktar minn €20
Xirja ta’ oġġetti essenzjali minn supermarkets għal familja ta’ erba’ persuni żdiedet b’aktar minn €20 fl-aħħar sentejn, għalkemm hemm sinjali li r-rata ta’ żieda fl-għoli tal-ħajja qed tonqos.
Riċerka li saret mill-UHM Voice of the Workers turi li l-prezz medju ta’ lista tax-xiri li strettament tinkludi oġġetti essenzjali biss tela’ minn €136.35 għal €157.02 – żieda ta’ €20.66.
Ir-riċerka ssir fuq bażi ta’ kull xahar fejn il-prezzijiet minn tliet supermarkets ewlenin jiġu osservati u b’hekk ikun reġistrat kull ċaqliq.
Għalkemm iż-żieda kielet iż-żieda tal-għoli tal-ħajja li fl-aħħar sentejn laħqet livelli rekord ta’ €9.90 fl-2023 u €12.81 din is-sena, kien hemm tnaqqis sinifikanti fl-inflazzjoni fl-aħħar parti tas-sena li għaddiet. Madankollu, dan ma jimplikax li l-prezzijiet qed jorħsu iżda li li qed isiru relattivament stabbli filwaqt li għadhom jogħlew maż-żmien.
Fir-rigward tal-impatt tal-iskema tal-gvern Stabbiltà – imnedija f’Jannar li għadda bħala miżura biex jitnaqqsu l-prezzijiet ta’ 15-il kategorija ta’ ikel essenzjali – l-impatt ma setax jitkejjel peress li prodott wieħed jew tnejn biss kienu fil-lista tal-istudju tal-UHM. Madankollu, it-tnaqqis fiż-żieda fl-inflazzjoni f’Malta qed jiġi rifless fl-Ewropa wkoll fejn m’hemmx skemi bħal dawn.
Sadanittant, il-kompetizzjoni fost is-supermarkits saret ħarxa aktar minn qatt qabel – li hija tajba għall-konsumaturi – iżda l-esperjenza biex tixtri mis-supermarkets il-kbar xi drabi saret u kaotika speċjalment meta jkun hemm xi offerti.
Waħda mill-konklużjonijiet sinifikanti ta’ din ir-riċerka hija l-impatt tat-tassazzjoni tal-COLA fir-rigward tal-ġlieda kontra l-inflazzjoni. Jirriżulta li tul din is-sena l-gvern qed jieħu lura bejn bejn basket sħiħ tax-xirja li jiswa madwar €160 sa żewġ xirjiet b’valur totali ta’ aktar minn €300. L-ammont li jiddependi fuq il-livell ta’ dħul ġie kkalkulat permezz ta’ diversi xenarji bbażati fuq komputazzjonijiet ta’ taxxa differenti.
It-tabella hawn taħt tiġbor fil-qosor l-impatt, bir-ringiela ta’ fuq tkun il-livell ta’ dħul u l-ewwel kolonna l-istatus tat-taxxa użat. In-numri huma l-ammont totali ta’ flus li qed imorru lura għand il-gvern fil-forma ta’ taxxa miż-żieda ta’ €12.81 fil-ġimgħa. Il-basktijiet jirrappreżentaw l-ammont ekwivalenti f’termini ta’ xirjiet li jiswew €157 kull waħda.