Dan huwa wieħed mill-filmati li pproduċejna flimkien mal-Bank Ċentrali ta’ Malta fis-serje tal-ibbaġitjar tagħna.

Niżżel il-video maħruġ mill-Bank Ċentrali ta’ Malta, flimkien ma’ ĠEMMA, li jismu ‘Xiri Impulsiv’ billi tagħfas hawn.

Ippermettuli nintroduċi lil familja ta’ ĠEMMA.  Jiena Tony. Jien ir-raġel ta’ Maria.  Jiena naħdem bħala manager f’negozju kbir fl-industrija tas-servizzi.  Marti, Maria, għandha 40 sena u taħdem fin-negozju tal-familja ta’ missieri.  Għandna żewġt itfal:  Matthias, it-tifel tagħna li għandu 11-il sena, u li bħalissa jinsab fl-iskola sekondarja, u Angele, bintna li għandha 17-il sena u li qed tlesti l-fażi tal-iskola sekondarja għolja matul din is-sena skolastika.

 
Angele fl-aħħar sena bdiet taħdem ftit xogħol part-time meta jkollha l-ħin liberu mill-istudji u mill-attivitajiet personali tagħha.  Biex ngħid kollox, minn meta kienet tifla żgħira dejjem imbuttajniha sabiex tifhem sew il-valur tal-flus.  Il-pocket money li tajniha dejjem kien marbut mal-fatt li dan kien rikompens talli tkun wettqet xi qadja tal-familja jew xi xogħol tad-dar.
Kuntent ħafna li qed naraha li bdiet taħdem, għaliex b’hekk jibda’ jkollha sors ta’ dħul independenti.  Nibża’ però li Angele tbati minn tendenza ta’ xiri impulsiv – b’mod partikolari meta tkun stressjata bħal meta jkollha xi eżami.  Mill-ewwel ninduna.  F’mumenti ta’ stress taraha liebsa xi sweater ġdid jew xi aċċessorju ġdid.  Angele fetħet qalbha miegħi u qaltli li tipprova timmaniġja l-istress billi tixtri ħwejjeġ ġodda u affarijiet oħra li jgħollulha l-kunfidenza tagħha.
Bejn niċċajta u le, staqsejta biex tfakkarni x’inhi l-ħolma tagħha, u għal xiex qiegħda ġġemma biex tkun tista’ twettaqha. “U ejja Pa, qisek li ma tafx.  Minn mindu kont ċkejkna ilni ngħid li rrid insir żeffiena professjonali.  Mela nsejt il-patt li konna għamilna li għal kull ewro li nġemma, int u il-mama ser tagħtuni żewġ Ewro biex inkun nista’ nħallas għall-iskola taż-żfin f’Londra.”
“Insejt le, mela ma tarax.  Però, għandek tkun taf li kull darba li tmur fuq spending binge meta tkun stressjata, dan ikun ifisser li mort pass lura milli tilħaq il-ħolma tiegħek.”
Żidt li jien ukoll inbati minn stress qawwi.  
“U ejja pa, daqs kemm int kalm.” 
“M’huwiex il-punt, għax ma nurix ma jfissirx li l-istress m’huwiex hemm :  problemi tax-xogħol, li nara li lkoll kemm aħna ma jkun jonqosna xejn, kif ukoll il-ħsieb li s-saħħa ta’ missieri u ommi qed tbatti minn xahar għall-ieħor hekk kif qegħdin jixjieħu, huma lkoll fatturi li jitfgħu stress qawwi fuqi. Minflok nintefa nixtri bl-addoċċ immur sal-gym.  Mhux talli ma’ nifqax il-baġit tal-familja, imma huwa tajjeb ukoll għal saħħti.  U meta nibda nħoss ġejja l-leblieba biex nixtri xi gym shoes jew track suit ġdida sabiex iħossni aħjar, nara li nħalli l-kartiera id-dar u nieħu miegħi biżżejjed flus biex inħallas għall-parking u xejn iżjed.”

Għarrafna bil-ħsibijiet tiegħek, filwaqt li nistennew bil-ħerqa li nisimgħu mingħandek. F’ĠEMMA ninkoraġġuk biex tagħti din il-link jew dan il-video, flimkien mal-kalkulatur, lill-ħbieb jew pubblikament fuq il-paġna tiegħek ta’ Facebook stess. Żur il-paġna ta’ ĠEMMA fuq Facebook u agħmlilna Like!