Wieħed minn kull tlieta biss li jista’ jaħdem bit-telework qed jingħata din il-faċilità
Terz tal-ħaddiema Maltin li l-impjieg tagħhom jista’ jsir kollu mid-dar xorta qed jaqdu dmirijiethom minn fuq il-post tax-xogħol peress li ma ngħatawx l-opportunità li jaħdmu bit-telework.
Din iċ-ċifra toħroġ minn rapport tal-Eurofound li janalizza l-kundizzjonijiet tal-ħajja u tax-xogħol madwar l-Ewropa u l-pajjiżi ġirien minn meta faqqgħet il-Covid-19.
Jirriżulta li 33% tal-ħaddiema Maltin iddikjaraw li qatt ma jaħdmu mid-dar minkejja li n-natura tal-impjiegi jippermettu dan. Ir-rata li hija ferm ogħla mill-medja fl-UE li hi ta’ 23%, hija l-ħames l-ogħla. Il-Greċja kienet fuq quddiem tal-lista b’aktar minn nofs il-ħaddiema jilmentaw li qatt ma ngħataw telework minkejja n-natura tax-xogħol tagħhom li tippermetti tali faċilità. Min-naħa l-oħra, l-inqas rata kienet irreġistrata fil-Belġju bi 8%.
Filwaqt li ma tingħata l-ebda raġuni il-għala f’Malta mhux qed jingħataw iktar telework fejn ix-xogħol jippermetti, ix-xejra hija saħansitra aktar stramba meta wieħed iqis il-problema li jesperjenzaw ta’ kuljum eluf ta’ impjegati biex imorru għax-xogħol minħabba t-traffiku. Użu akbar tat-telework itaffi l-problema tat-traffiku, kif ġara fl-eqqel tal-pandemija. Barra minn hekk, Malta m’għandha l-ebda problema infrastrutturali peress li l-konnettività diġitali tal-gżira hija pjuttost tajba.
F’din ir-riċerka, il-ħin tal-ivvjaġġar għax-xogħol ħareġ bħala xi ħaġa ta’ tħassib b’24% ta’ dawk li ħadu sehem f’dan l-istħarriġ madwar l-UE jsemmu dan il-fattur bħala xi ħaġa li qed tiekol mil-ħin liberu tagħhom. Dan it-tħassib tqajjem b’mod speċjali minn dawk li għandhom bejn 30 u 44 sena, bin-nisa jindikaw diffikultajiet fir-rigward tal-arranġamenti għall-kura tat-tfal.
Minn perspettiva iktar wiesgħa kważi wieħed minn ħamsa ta’ dawk li wieġbu li jaħdmu qalu li għandhom arranġament hybrid (xi jiem mix-xogħol, xi jiem mid-dar). Dan il- huwa t-tieni l-aktar komuni fl-UE, bl-aktar popolari jkun dak tradizzjonali mill-post tax-xogħol biss.
Barra minn hekk, il-probabbiltà li taħdem esklussivament mid-dar jew b’mod hybrid tiżdied skont kemm jogħla l-livell ta’ edukazzjoni, b’dawk li għandhom edukazzjoni terzjarja l-aktar li li jibbenefikaw minn dan it-tip ta’ arranġament tax-xogħol.
In-nisa għandhom it-tendenza li jaħdmu aktar mid-dar (32% tan-nisa mistħarrġa fl-UE-27 vs 29% tal-irġiel) u n-nisa jaħdmu wkoll aktar esklussivament mid-dar (14% tan-nisa vs 10 % tal-irġiel). Barra minn hekk, meta n-nisa jaħdmu bit-telework, il-proporzjon tat-teleworking mill-ħin totali tax-xogħol tagħhom huwa bħala medja 25% kontra 20% għall-irġiel.
Fost dawk li wieġbu li l-impjieg tagħhom jista’ jsir kompletament bit-telework, 41% tal-ħaddiema mistħarrġa qal li ħadmu mid-dar, 33% b’mod hybrid (kemm mid-dar kif ukoll fuq il-post tax-xogħol) u madwar kwart (26%) esklussivament mill-post tax-xogħol.