Care workers li jaħdmu ma’ kuntrattur fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex li jiġu nfettati bil-COVID-19 waqt li jkunu qed iwettqu dmirijiethom, mhux qed jieħdu l-istess benefiċċji li jgawdu l-kollegi tagħhom.

Jirriżulta li matul il-kwarantina dawn l-impjegati mhux qed jitħallsu tal-Ħdud u tal-festi pubblika, għall-kuntrarju tal-care workers tal-gvern u dawk impjegati minn kuntratturi li jservu fi sptarijiet tal-Istat f’Malta.

Iffaċċjat b’ilmenti minn ħaddiema tal-kura aggravati, il-kuntrattur li jservi l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex sostna li ma kellu l-ebda oġġezzjoni biex jirranġa s-sitwazzjoni sakemm l-ispejjeż addizzjonali jkunu koperti minn Steward Health Care li tmexxi din il-faċilità. Tali prattika tkun konformi mal-arranġament fl-isptarijiet tal-Istat f’Malta.

Madankollu, meta UĦM Voice of the Workers fittxet rimedju f’isem dawn il-ħaddiema u f’konformità mal-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali, Steward Health Care irrifjutat li tindirizza din is-sitwazzjoni.

“Aħna ma nifhmux għalfejn qed niġu trattati b’mod differenti mhux biss minn kollegi fuq il-kotba tal-gvern li magħhom naqsmu d-dmirijiet tagħna fl-istess post tax-xogħol u naraw l-istess pazjenti, iżda wkoll minn care workers ma’ kuntratturi f’Malta li jservu fi sptarijiet tal-gvern. Bħala front liners fil-ġlieda kontra COVID-19 l-aħħar ħaġa li nistennew hi li nkunu kastigati talli qed niġu esposti għall-virus fuq ix-xogħol,” care workers qalu lil Voice of the Workers Weekly.

Il-kwistjoni tixbah tilwima industrijali li tinvolvi wkoll lil Steward dwar il-kundizzjonijiet tal-impjieg li toffri lill-ħaddiema tagħha stess. Wara li ngħataw it-tmexxija ta’ tliet sptarijiet tal-gvern – Għawdex, Karin Grech u San Luqa – bħala parti minn konċessjoni kontroversjali mogħtija mil-gvern fl-2016, il-kumpanija Amerikana kienet irreklutat ħaddiema biex jaħdmu ma dawk tal-gvern, iżda b’kundizzjonijiet tax-xogħol inferjuri.

Id-diskrepanza fil-ħlas u l-benefiċċji qanqlet ilmenti ta’ diskriminazzjoni u akkużi li kien qed jinħoloq il-prekarjat. Wara ġimgħat ta’ azzjonijiet industrijali mill-UĦM, il-gvern f’Novembru li għadda kien aċċetta fil-prinċipju li jassorbi l-impjegati ta’ Steward u jassimilahom fl-iskala tas-salarji tas-servizz pubbliku.

Għalkemm il-gvern kien wiegħed li dan il-proċess kien se jitlesta sal-aħħar tas-sena, din l-iskadenza ma nżammitx, u wasslet biex il-UĦM ikollha tirrikorri mill-ġdid għal azzjoni industrijali.

Possibbli li fost il-miljuni li l-Gvern għadda lil Steward ma kienx hemm minn fejn jitħallsu dawn il-ħaddiema?