Fl-aħħar snin, feġġet xejra inkwetanti fis-settur tas-servizzi bankarji u finanzjarji – xejra li thedded il-ġustizzja f’dan is-settur. Il-banek, li huma kustodji tas-sigurtà finanzjarja tagħna, issa qed jittrattaw liċ-ċittadini onesti u li jobdu l-liġi bħallikieku kienu kriminali. Din l-imġiba mhix biss inġusta iżda wkoll iddgħajjef il-fiduċja u l-integrità tas-sistema kollha.

Fil-qalba ta’ din il-kwistjoni hemm il-livell esaġerat ta’ skrutinju li jiffaċċjaw individwi onesti meta mqabbla ma’ dawk li verament jimmeritahom li jkunu taħt il-lenti. Għalkemm iċ-ċittadini li jirrispettaw il-liġi jiddikjaraw sal-inqas ċenteżmu li jaqilgħu, għadhom qed jiġu suġġetti għal talbiet invażivi fil-ħajja personali tagħhom. Mistoqsijiet dwar in-nefqa tagħhom, il-pjanijiet dwar l-ivvjaġġar, ir-residenza, u s-sorsi tad-dħul issa saru n-norma. Miżuri intrużivi bħal dawn mhux biss jiksru l-privatezza personali iżda joħolqu wkoll atmosfera ta’ sfiduċja u suspett f’dak li jkun.

Sadanittant, dawk li bir-raġun għandhom ikunu taħt skrutinju mill-qrib – individwi b’kontijiet offshore sigrieti, assi mhux dikjarati, u ġid mhux spjegat – jidher li huma protetti minn investigazzjoni rigoruża. Huwa tabilħaqq ta’ tħassib li filwaqt li ċ-ċittadini onesti huma sfurzati jikxfu kollox, dawk li jieħdu sehem f’attivitajiet illeċiti b’xi mod għadhom qed isibu modi biex jevitaw dawn il-kontrolli.

Din is-sitwazzjoni isservi biss biex tissaħħaħ il-perċezzjoni ta’ sistema li hija b’saħħitha maż-żgħir u dgħajfa mal-kbir. Minflok ma jħarsu l-prinċipji tal-ġustizzja, il-banek u l-istituzzjonijiet finanzjarji qed ikunu kompliċi biex joħolqu l-inugwaljanza u l-inġustizzja. Meta jissuġġettaw individwi onesti għal skrutinju mhux ġustifikat, u jpoġġu lil kulħadd f’keffa  waħda, il-banek qed jittradixxu l-fiduċja li l-klijenti tagħhom u s-soċjetà inġenerali jpoġġu fihom.

Wasal iż-żmien li s-settur jevalwa mill-ġdid il-prijoritajiet tiegħu u biex verament jimxi mal-prinċipji ta’ ġustizzja u ugwaljanza. Minflok ma jinħlew fuq min hu onest u qed jimxi mal-liġi, il-banek għandhom jidderieġu l-isforzi tagħhom lejn l-identifikazzjoni u l-penalizzazzjoni ta’ dawk li jidħlu fi prattiċi ħażina u evażjoni finanzjarja. Dan jeħtieġ sforz koordinat biex jissaħħu l-oqsma regolatorji, tissaħħaħ it-trasparenza, u dawk li jfittxu li jimminaw l-integrità tas-sistema finanzjarja jinżammu responsabbli

Il-mod qed ikunu tratti ċ-ċittadini onesti mill-banek bħallikieku kienu xi kriminali mhux biss huwa inġust iżda wkoll ta’ detriment għas-soċjetà. Huwa imperattiv li l-banek jevalwaw mill-ġdid il-prattiki tagħhom u jadottaw stil aktar ekwu li jsostni l-prinċipji tal-ġustizzja u l-integrità. Hekk biss nistgħu nerġgħu nġibu l-fiduċja fis-sistema bankarja u niżguraw li taqdi l-interessi ta’ kulħadd b’mod ġust.