Waqt żjara f’Aurobindo Pharma Malta Ltd, il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola tenniet l-impenn tagħha biex il-fondi tal-UE jkunu aktar aċċessibbli għan-negozji, speċjalment f’Malta u f’Għawdex.

Il-President Metsola qalet, “ir-rwol li għandhom kumpaniji bħal Aurobindo fl-Unjoni tagħna huwa kruċjali biex jiġi żgurat li ċ-ċittadini jirċievu prodotti tal-aqwa kwalità li jilħqu l-istandards li jixirqilhom.” 

L-aċċess għall-finanzjament kien suġġett ieħor ta’ diskussjoni waqt iż-żjara tal-President Metsola, fejn semmiet li l-aċċess għall-opportunitajiet ta’ finanzjament tal-UE huwa strumentali biex kumpaniji bħal Aurobindo jimmassimizzaw il-potenzjal tagħhom, u jinvestu fil-forza tax-xogħol tagħhom u f’tagħmir tal-aħħar teknoloġija. Hija rreferiet għall-espansjoni tal-kumpanija tal-laboratorji tagħha li jiffukaw fuq l-ittestjar tal-mediċina użata għall-kimoterapija. 

“Ilkoll nafu lil xi ħadd li instab li għandu kanċer. Il-ġlieda kontra l-kanċer hija l-ġlieda komuni tagħna u l-Parlament Ewropew huwa impenjat li jegħleb din il-marda, bid-destinazzjoni finali tkun Ewropa mingħajr kanċer.”

Preżenti għaż-żjara kien hemm Venugopalan Muralidharan, President Europe Formulations ta’ Aurobindo u Jonathan Farrugia, Direttur Maniġerjali ta’ Aurobindo Malta, li stqarrew li kienu onorati li laqgħu lill-President tal-Parlament Ewropew fil-faċilità state of the art ta’ Aurobindo f’Malta. “Bħala waħda mill-kumpaniji globali ewlenin ta’ mediċina ġenerika, bl-akbar u l-aktar laboratorju analitiku sofistikat fil-Gżejjer Maltin, li janalizza prodotti mediċinali, kif ukoll li jipprovdi ħażna u distribuzzjoni, aħna dejjem inżommu ruħna aġġornati mal-aħħar żviluppi regolatorji, biex niżguraw li noffru lill-klijenti tagħna l-aqwa prodotti farmaċewtiċi. Li kellna ċ-ċans nilqgħu lill-President Metsola fil-laboratorji u l-uffiċċji tagħna f’Malta, tana l-opportunità li niddiskutu materji importanti għalina u għas-settur tagħna, filwaqt li nifhmu aħjar kif nistgħu nibbenefikaw mill-opportunitajiet li toffri l-Unjoni Ewropea, f’termini ta’ finanzjament”.