Bħalissa, fis-suq tax-xogħol, teżisti theddida fuq in-negozjar kollettiv minħabba l-preżenza tal-ħaddiema barranin. Il-UĦM Voice of the Workers tagħmilha ċara u tibqa’ tirrepeti li  hi mhix kontra l-ħaddiema barranin imma hija kontra l-abbuż li jsir fuq dawn il-ħaddiema.  

Dan għax il-mument li jinġiebu l-ħaddiema barranin u dawn jaċċettaw pagi inferjuri għal dawk li jista’ jaċċetta l-ħaddiem Malti u Għawdxi, qed ikunu ta’ theddida għall-pagi tagħna.  

Għalhekk is-salarji tagħna ma jistgħux jogħlew u meta inqabblu mal-medja Ewropea nsibu li l-pagi Maltin jinsabu taħt il-medja Ewropea.  

Preżentament hawn eluf ta’ ħaddiema barranin u 27 fil-mija tas-suq Malti tax-xogħol huwa magħmul proprju mill-ħaddiema barranin. Li jiġi ħaddiem Malti u jgħid li  ma jistax jagħmel xogħol inqas minn €8 kull siegħa u minflok jiġi ħaddiem u jitħallas bl-€4 kull siegħa, hija theddida. Dan ifisser li s-sitwazzjoni fis-suq tax-xogħol qed tiffavorixxi ferm lil min iħaddem milli lill-ħaddiema Maltin. Sabiex ma jżidx in-nefqa tiegħu fejn jidħlu s-salarji, min iħaddem għandu l-alternattiva li jġib ħaddiema barranin u jħallashom inqas mill-Maltin. 

Il-UĦM Voice of the Workers tikkontendi li l-ekonomija tagħna għandha bżonn il-ħaddiema barranin u jista’ jkun li għandna bżonn iżjed. Imma dawk il-barranin li jiġu Malta jridu jingħataw il-kundizzjonijiet bħal dawk tagħna l-Maltin. Dan għax il-liġi tgħid li kulħadd għandu jitħallas b’mod ugwali għal xogħol ugwali. Ikun inutli li nimxu skont il-liġi meta mbagħad hawn ħaddiema li jaċċettaw kundizzjonijiet miżeri. Il-verità hi li dawn il-ħaddiema mhumiex membri f’union u allura mhumiex protetti.  

Barra minn hekk, apparti li qed isir abbuż fuq il-ħaddiema barranin, in-negozjar kollettiv għall-ħaddiema Maltin u Għawdxin qed jaqla’ daqqa ‘l isfel għax ma jistgħux jitilgħu fil-pagi tagħhom.  Din il-union ma taqbilx mal-argument li l-ħaddiem Malti ma  jridx jaħdem f’ċertu setturi  bħalma huwa dak tal-ospitalità u l-cateringIl-Maltin jaħdmu ġaladarba jkunu offruti pakketti tajbin. 

Il-UĦM Voice of the Workers tisħaq li filwaqt li s-soċjetà Maltija avvanzat u l-kwalità tal-ħajja  mxiet  ‘il quddiem, il-pagi wkoll  iridu  jmorru ‘l quddiem u  mhux jibqgħu lura.