Bl-istaġun tal-festi magħna ħafna se jkunu qed jieħdu pawsa mistħoqqa fil-kumpanija tal-familja u xi ftit ħbieb ta’ ġewwa. F’din l-era diġitali huwa saħansitra possibbli li taqsam mumenti bħal dawn ma’ nies f’pajjiżi oħra mill-kumdità tad-dar. In-naħa l-oħra tal-munita, hi li l-era diġitali tagħmilha aktar diffiċli biex tinqata’ mix-xogħol minħabba li min iħaddmek jista’ jkun għafsa ta’ maws waħda biss ’il bogħod! Sitwazzjoni bħal din qed toħloq dilemma għall-ħaddiema – għandhom jaqtgħu l-komunikazzjoni mad-dinja ta’ barra wara l-ħinijiet tal-uffiċċju bir-riskju li jkollhom iħabbtu wiċċhom mal-konsegwenzi  l-għada filgħodu meta jidħlu għax-xogħol?

Il-kunċett dwar dak li hu magħrufa bħala “right to disconnect” żviluppa fil-bidu tal-millennju bit-twelid ta’ mezzi ġodda ta’ komunikazzjoni bħall-posta elettronika u t-teknoloġija tal-mowbajl. F’dan ir-rigward il-pandemija Covid-19 ġabet bidla f’daqqa għax ġiegħlet eluf jaħdmu mid-dar, u b’hekk jiddependu aktar fuq mezzi teknoloġiċi biex iwettqu dmirijiethom. Skond il-Eurofound mill-bidu tal-pandemija, aktar minn terz tal-ħaddiema tal-UE qed jaħdmu b’dan il-mod.

Din il-bidla ċajpret mhux ftit il-konfini bejn ix-xogħol u l-ħajja privata. Ħafna impjegati qed jibdew jilmentaw li huwa iktar diffiċli li taqta’ l-kuntatt max-xogħol  meta taħdem mid-dar milli meta taħdem mill-uffiċċju.

Il-kwistjoni qed taffettwa wkoll is-saħħa mentali tal-ħaddiema. Is-sena li għaddiet il-Kummissarju għas-Saħħa John Cachia kien talab għal linji gwida ċari dwar il-kwistjoni biex ikunu stabbilit dak li huwa meqjus urġenti, kif isseħħ il-komunikazzjoni u meta m’għandhiex tinqabeż il-linja tal-ħajja privata.

Skont statistika tal-OECD u tal-UE qabel il-pandemija s-saħħa mentali kienet qed tiswa lil Malta €400 miljun fis-sena, li fil-maġġoranza tal-każi tfisser li ma tkunx produttiv fuq il-post tax-xogħol.

Filwaqt li hemm moviment biex tibda tiġi indirizzata l-kwistjoni minn perspettiva leġiżlattiva, ikun żball jekk il-kwistjoni tkun indirizzata bl-istess mod għas-setturi kollha. Żvilupp sinifikanti seħħ dan l-aħħar fil-Parlament Ewropew li approva riżoluzzjoni li tgħid li l-ħaddiema għandhom jitħallew jitfu l-apparat diġitali mingħajr ma jiffaċċjaw konsegwenzi. L-inizjattiva, li kienet immexxija mill-Kumitat tal-Impjiegi tgħid li l-pajjiżi tal-UE għandhom jiżguraw li l-ħaddiema jkunu kapaċi jgawdu d-dritt li jinqatgħu mix-xogħol b’mod effettiv, inkluż permezz ta’ ftehimiet kollettivi. Dan id-dritt huwa vitali biex jipproteġi s-saħħa tal-ħaddiema fid-dawl tar-riskju ta’ kultura li biha l-impjegati qed jiġu meqjusa li jkunu disponibbli il-ġurnata kollha daqs li kieku huma li tagħmir elettroniku li jista’ jiġi ċċarġjat. Mentalità bħal din taffettwa b’mod negattiv il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja, is-saħħa fiżika u mentali.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ UĦM Voice of the Workers Josef Vella jenfasizza li x-xogħol mill-bogħod qiegħed hawn biex jibqa’. Hu jħeġġeġ lil min iħaddem biex ma jarax din il-faċilità bħala eżerċizzju finanzjarju biex inaqqas il-baġit. Pjuttost, min iħaddem għandu jiddedika parti mill-baġit tiegħu biex ix-xogħol b’mod remot ikun possibbiltà ġusta bid-dritt li l-ħaddiema jaqtgħu il-kuntatt.

Kif qalet id-deputat Segretarju Ġenerali tal-ETUC Esther Lynch, “xogħol mid-dar kuljum jista’ jwassal għal sigħat itwal u inqas irqad sakemm ma jiġix kontrollat kif suppost”. Hija kompliet tenfasizza li “nies li jaħdmu mid-dar għandhom eżattament l-istess drittijiet fil-liġi daqs li kieku kienu jaħdmu mill-uffiċċju u rridu niżguraw li dan il-prinċipju jiġi infurzat”.