Tagħlimiet mill-COVID-19: spinta lill-protezzjoni ċivili tal-UE
Intlaħaq ftehim proviżorju fuq riforma tal-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili (UCPM) biex titjieb il-prevenzjoni, it-tħejjija u r-rispons għad-diżastri.
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill qablu li jsaħħu l-qafas legali eżistenti dwar il-protezzjoni ċivili, b’reazzjoni għall-ġrajja bla preċedent tal-pandemija COVID-19. Dispożizzjonijiet ġodda għandhom l-għan li jiżguraw li l-UE u l-istati membri jkunu ppreparati aħjar biex jirrispondu għal emerġenzi fuq skala kbira, speċjalment meta dawn jaffettwaw diversi pajjiżi fl-istess ħin.
Bl-iskop li l-għajnuna tintbagħat b’aktar ħeffa, il-Kummissjoni se tkun tista’ takkwista direttament, taħt kundizzjonijiet speċifiċi, ir-riżorsi meħtieġa taħt il-programm rescEU.
€1.263 biljun se jiġu allokati lill-UCPM taħt il-perjodu ta’ finanzjament 2021-2027, flimkien ma’ € 2.056 biljun mill-Istrument ta’ Rkupru tal-UE – baġit li huwa bejn wieħed u ieħor ħames darbiet akbar minn dak disponibbli matul is-seba’ snin preċedenti. Il-Parlament żgura li riżorsi finanzjarji biżżejjed jiġu allokati għat-tliet pilastri (prevenzjoni, tħejjija u reazzjoni għad-diżastri) tal-mekkaniżmu, u li l-flus imorru biss fuq prevenzjoni.
Kull meta r-riżorsi tar-rescEU jintużaw għal skopijiet nazzjonali, l-azzjoni tal-UE issa tkun aktar viżibbli u tirċievi aktar rikonoxximent, billi l-pajjiżi jkunu meħtieġa jirrikonoxxu li r-riżorsi finanzjarji ġew mill-UE. Il-Kummissjoni u l-istati membri se jiddefinixxu wkoll għanijiet ta’ reżiljenza għad-diżastri biex jappoġġjaw azzjonijiet ta’ prevenzjoni u tħejjija. Dawn l-għanijiet huma maħsuba biex itejbu l-kapaċità nazzjonali u tal-UE biex jifilħu għall-effetti ta’ diżastri kbar li jolqtu diversi pajjiżi.
Il-pass li jmiss
Il-Parlament u l-Kunsill mistennija japprovaw il-kontenut tal-ftehim. L-UCPM twaqqfet fl-2013 bħala sistema volontarja biex tgħin lill-istati membri jittrattaw diżastri naturali dejjem aktar frekwenti. Mill-2019, meta nħoloq rescEU, l-UE tista’ b’mod konġunt takkwista riżorsi biex tassisti pajjiżi milquta minn diżastri meta l-kapaċità nazzjonali tkun estiża żżejjed.
Matul il-kriżi COVID-19, l-UCPM iffaċilitat ir-ripatrijazzjoni ta’ aktar minn 90,000 ċittadin tal-UE mid-dinja kollha. Kienu akkwistati iktar minn 1.3 miljun maskra protettiva, ventilaturi, tagħmir protettiv personali, u provvisti oħra permezz tar-rescEU biex jappoġġjaw is-servizzi tas-saħħa nazzjonali.