Tagħlimiet miċ-ċensiment tal-ħiliet
Il-bajjada u l-kaħħala jiffurmaw il-biċċa l-kbira tal-ħaddiema fl-industrija tal-kostruzzjoni f’Malta filwaqt li l-ħaddiema speċjalizzati fil-ħadid u dawk li jinstallaw l-insulation huma l-aktar diffiċli biex jinstabu. Madankollu, hemm sinjali li l-ħaddiema f’dan is-settur qed jikbru fl-età tant li n-numru ta’ dawk taħt il-25 sena li għandhom ħiliet biex jaħdmu fl-industrija tal-kostruzzjoni jammontaw għal 17% biss.
B’kollox dan is-settur, li fl-aħħar għaxar snin kiber ħafna, jinkorpora madwar 69,000 ħaddiem jew 23.6% tal-popolazzjoni li minnhom 11,000 huma mhux Maltin. Dawk li wieġbu, setgħu jagħżlu aktar minn kategorija waħda ta’ ħiliet fil-kostruzzjoni.
Din l-informazzjoni toħroġ mil-konklużonijiet preliminari taċ-Ċensiment tal-Ħiliet li sar is-sena l-oħra. Dan l-eżerċizzju, l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’Malta, sar fost 130,000 individwu ta’ bejn il-15 u l-64 sena. Il-kampjun kien jinkludi ċittadini Maltin residenti f’Malta u ċittadini mhux Maltin kienu inklużi biss jekk kienu ilu jgħixu Malta għal mill-inqas ħames snin qabel l-istħarriġ. Għalhekk, f’setturi bħall-kostruzzjoni in-numru ta’ ħaddiema mhux Maltin f’dan l-istħarriġ jista’ jkun inqas minn dak fir-realtà.
Jirriżulta li 16.9% ta’ dawk li wieġbu qalu li jistgħu jaħdmu bħala bajjada, bil-maġġoranza jkunu rġiel. Din iċ-ċifra tfisser għal 49,381 li minnhom 8,271 mhumiex Maltin. Sinifikanti l-fatt li l-proporzjon ta’ bajjada mill-popolazzjoni kollha mhux Maltija kien ta’ 20.4%, jiġifieri li wieħed minn kull ħamsa jagħmel dan ix-xogħol.
It-tieni l-aktar ħila popolari fl-industrija tal-kostruzzjoni huma l-kaħħala b’10.5%, b’dawk kollha li wieġbu li jammontaw għal 30,717 li minnhom 25,593 huma Maltin.
Il-plumbers ikklassifikaw bħala t-tielet l-aktar ħila popolari fil-kostruzzjoni bi 23,188 qalu li għandhom din is-sengħa.
Il-bennejja – terminu li jinkorpora min ipoġġi l-knaten, jibni s-soqfa, u l-installazzjoni ta strutturi tal-metall u tal-injam – ammontaw għal 7.1% biss ta’ dawk li ddikjaraw li huma kwalifikati fl-Industrija tal-kostruzzjoni. Din il-kategorija ta’ ħaddiema li klassifikat fil-ħames post, tammonta għal 20,730 li minnhom 3,920 kienu mhux Maltin.
Is-snajja’ tal-welding u brazing ikklassifikaw ir-raba’ b’21,592 ħaddiem, filwaqt li n-numru ta’ dawk li jqegħdu l-madum kien jammontaw għal 16,068.
L-inqas numru ta’ ħaddiema kienu dawk li jispeċjalizzaw fil-produzzjoni tal-forom li ammontaw għal 7,125 segwiti minn dawk li jwaħħlu tagħmir ta’ ventilazzjoni u arja kundizzjonata (7,755).
Analiżi aktar profonda tal-istħarriġ kixfet xejra pjuttost inkwetanti, fejn tikkonferma li l-kostruzzjoni m’għadhiex tattira ħaddiema Maltin. Din ix-xejra toħroġ mill-fatt li l-akbar grupp ta’ ħaddiema huma dawk bejn 45 sa 64 sena u warajhom dawk bejn 25 u 44 sena li jammontaw għal 60,000. B’kuntrast dawk taħt il-25 sena jammontaw għal 7,200 biss. Dan l-iżvilupp demografiku bla dubju qed joħroġ fid-deher bid-dipendenza dejjem tikber fuq il-ħaddiema barranin fl-industrija tal-kostruzzjoni.