Studju juri li f’Malta ħaddiema bi dħul baxx jinsabu fi żvantaġġ ħdejn pajjiżi oħra
Il-paga minima f’Malta u l-ħaddiema b’pagi baxxi ġew klassifikati ’l isfel fi studju dwar is-saħħa tal-pagi minimu u baxxi fost 22 pajjiż tal-UE, fejn Malta klassifikat fis-16-il post. L-istudju li sar mill-Eurofound u li kien pubblikat dan l-aħħar sar fl-2022.
Minbarra paragun dirett fil-valur tal-pagi minimi skont il-valuri rispettivi tagħhom, l-istudju ħares lejn dak li hu magħruf bħala l-purchasing power standard (PPS). Dan it-terminu jintuża meta jsir paragun billi ikun kunsidrat l-għoli tal-ħajja rispettiv. Għalhekk il-PPS jista’ jitqies bħala munita artifiċjali li tkejjel il-prezz ta’ numru stabbilit ta’ oġġetti u servizzi li jistgħu jitqabblu minn pajjiż għal ieħor.
Jirriżulta li fi 11-il pajjiż il-paga minima kienet ugwali jew ogħla mill-PPS. Id-Danimarka li kellha l-ogħla paga minima ta’ €2,951 fix-xahar kienet fuq quddiem tal-lista b’PPS ta’ 2,042 segwita mill-Belġju (1,850) u l-Awstrija (1,782). Il-pajjiżi l-oħra f’ordni mill-kbir għaż-żgħir kienu l-Ġermanja, il-Lussemburgu, l-Olanda, l-Isvezja, l-Irlanda, il-Finlandja, Franza u l-Italja b’din tal-aħħar għandha l-paga minima tagħha prattikament ugwali għall-PPS.
Il-11-il pajjiż fin-nofs t’isfel tal-klassifika kellhom il-paga minima tagħhom taħt il-PPS. Dan ifisser li anke wara li wieħed jikkunsidra l-għoli tal-ħajja f’Malta meta mqabbel ma’ pajjiżi bħad-Danimarka fejn il-ħajja hi għola, xorta jibqa’ l-fatt li s-saħħa tal-pagi minimi u baxxi f’Malta hi dgħajfa. Malta ikklassifikat fis-16-il post b’paga minima ta’ €806 fix-xahar iżda PPS ta’ 920. Dan il-valur kien ibbażat fuq il-wage regulation orders.
Fost il-pajjiżi bl-inqas PPSs, li kienu madwar terz tal-PPSs tal-pajjiżi bl-ogħla valuri, hemm is-Slovenja (PPS 566), is-Slovakkja (PPS 643), il-Bulgarija (PPS 663) u l-Kroazja (PPS 698). F’dawn il-pajjiżi, iċ-ċifri jindikaw li l-ftehimiet kollettivi fil-kampjun huma (tal-inqas parzjalment) skaduti, peress li huma taħt il-paga minima statutorja.
Minn perspettiva usa’, ir-rapport ikkonkluda li minkejja li n-negozjar kollettiv jista’ jkun mezz biex jiġi evitat xogħol bi ħlas baxx, dan mhux dejjem ikun biżżejjed.
Il-fatt li f’xi Stati Membri ħafna ftehimiet kollettivi huma skaduti jenfasizza r-rwol u l-importanza tal-promozzjoni u t-tisħiħ tal-ftehimiet kollettivi fl-iffissar tal-pagi. F’dan il-kuntest, il-pagi minimi statutorji għandhom rwol ewlieni biex jipproteġu b’mod effettiv lill-ħaddiema minn paga baxxa bla bżonn f’pajjiżi u setturi b’rata baxxa ta’ negozjar kollettiv u grad baxx ta’ organizzazzjoni.
B’kuntrast mal-pagi minimi statutorji, li fil-kuntest tal-UE normalment jipprovdu livell ta’ paga waħda, il-ftehimiet kollettivi jistgħu wkoll jirregolaw il-paga ta’ ħaddiema b’pagi medji u ogħla. Madankollu, din l-opportunità mhux dejjem tittieħed u tista’ tiġi estiża f’xi pajjiżi u setturi.