Studju dwar it-telework juri r-rwol ‘marġinali’ tan-negozjar kollettiv f’Malta
Studju dwar it-telework madwar l-UE juri li f’Malta dan huwa regolat b’mod qawwi mil-liġijiet bi rwol kemxejn limitat mill-unjins minħabba n-numru relattivament baxx ta’ impjegati koperti bi ftehim kollettiv. Bħala konsegwenza, ir-regolamenti tat-telework jistgħu ma jinkludux livell daqshekk għoli ta’ protezzjoni. Din il-konklużjoni toħroġ minn rapport tal-Eurofound bit-titlu Telework in the EU: Regulatory frameworks and recent updates.
Bħala parti minn dan l-istudju l-awturi analizzaw it-tipi varji ta’ arranġamenti ta’ telework u ġabruhom f’sitt gruppi ewlenin. Malta flimkien ma’ għadd ta’ pajjiżi tal-Ewropa tal-Lvant ġiet deskritta bħala li għandha mudell ta’ governanza iċċentralizzata fuq l-Istat hekk kif kien konkluż li n-negozjar kollettiv kellu “rwol marġinali” fir-regolamentazzjoni tat-telework. B’xi eċċezzjonijiet żgħar (il-Bulgarija, iċ-Ċekja u l-Litwanja,) m’hemm l-ebda negozjar kollettiv settorjali f’dan il-grupp u ftit kumpaniji biss jindirizzaw it-telework permezz ta’ negozjar ta’ min iħaddem.
Min-naħa l-oħra, jekk l-imsieħba soċjali għandhom rwol b’saħħtu dan x’aktarx ikollu impatt pożittiv fuq l-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet li jimmiraw għal livell għoli ta’ protezzjoni tal-impjegati.
Fil-Belġju, Franza u l-Lussemburgu l-Ftehim Qafas tal-UE dwar it-Telework ġie implimentat permezz ta’ ftehimiet nazzjonali li ġew estiżi għall-impjegati kollha. Bħalissa, il-karatteristika li tiddefinixxi dan il-grupp hija li l-leġiżlazzjoni statutorja hija kkombinata ma’ ftehimiet nazzjonali (Franza) jew hija r-riżultat ta’ ftehimiet nazzjonali tradotti f’leġiżlazzjoni (il-Belġju u l-Lussemburgu). Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni statutorja tħalli l-implimentazzjoni ta’ diversi aspetti ewlenin tar-regolamentazzjoni tat-telework, inkluż ir-right to disconnect, għal negozjar kollettiv jew djalogu soċjali fil-livell tal-kumpanija.
It-tielet grupp li jinkludi l-Awstrija u l-Olanda, il-leġiżlazzjoni statutorja dwar it-telework hija wiesgħa ħafna u n-negozjar kollettiv għandu rwol prominenti, f’kuntest ġenerali ta’ relazzjonijiet industrijali karatterizzat minn rati għoljin ta’ kopertura ta’ negozjar kollettiv u grad għoli ta’ ċentralizzazzjoni u koordinazzjoni. Fl-Awstrija, ir-regolamenti legali daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ April 2021 permezz ta’ emendi ta’ biċċiet ta’ leġiżlazzjoni differenti. Din il-leġiżlazzjoni hija wiesgħa ħafna u tindirizza aspetti speċifiċi biss f’termini ta’ provvista ta’ infrastruttura/rimborż għax-xiri ta’ għamara għall-uffiċċju u kwistjonijiet ta’ responsabbiltà f’każ ta’ inċident. Għaldaqstant, aspetti ewlenin tar-regolamentazzjoni tat-telework għadhom jitħallew f’idejn l-imsieħba soċjali, li jittrattawhom permezz ta’ ftehimiet kollettivi settorjali u tal-kumpaniji.
Ir-raba’ grupp huwa magħmul mill-Italja u Spanja, il-Greċja, il-Portugall u s-Slovenja. Qabel il-pandemija, in-negozjar kollettiv fuq it-telework kellu rwol relattivament marġinali f’dawn il-pajjiżi. Madankollu, minn meta faqqgħet il-COVID-19, id-djalogu soċjali u n-negozjar kollettiv kisbu aktar rilevanza f’xi wħud minn dawn il-pajjiżi. Fi Spanja, saret leġiżlazzjoni statutorja ġdida mal-imsieħba soċjali. Barra minn hekk, ftehimiet settorjali u tal-kumpaniji ġodda irregolaw it-telework f’diversi setturi. L-Italja bħalissa għandha l-ogħla numru ta’ ftehimiet kollettivi settorjali, skont l-informazzjoni pprovduta mill-kontribuzzjonijiet nazzjonali.
Il-Portugall u s-Slovenja jirrappurtaw għadd ta’ ftehimiet settorjali. Fil-Greċja, m’hemm l-ebda ftehimiet settorjali fis-seħħ, iżda fl-2022 kien qed jiġi nnegozjat ftehim kollettiv ġenerali nazzjonali ġdid, u l-Konfederazzjoni Ġenerali tal-Ħaddiema Griegi (GSEE) kienet qed titlob it-tranżizzjoni għal reġim regolat tat-telework, inkluża definizzjoni aġġornata tat-telework, protezzjoni msaħħa tal-ħaddiema permezz ta’ ftehimiet kollettivi.
Fil-pajjiżi Nordiċi it-telework ġie indirizzat permezz ta’ liġijiet differenti li jindirizzaw l-ambjent tax-xogħol (pereżempju, l-Att dwar is-Sigurtà u s-Saħħa fuq il-Post tax-Xogħol fid-Danimarka u l-Isvezja, u l-leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tad-data fl-Isvezja). Fil-każ tal-Finlandja, it-telework huwa regolat biss indirettament permezz ta’ leġiżlazzjoni statutorja, bħala parti mil-liġi ġenerali tax-xogħol. B’mod ġenerali, il-kontenut tal-leġiżlazzjoni dwar it-telework huwa skars f’dawn il-pajjiżi u jirregola biss ftit aspetti ta’ dan l-arranġament tax-xogħol. Madankollu, in-negozjar kollettiv u l-ftehimiet informali bbażati fuq il-fiduċja għandhom rwol importanti.
Tip ieħor ta’ mudell huwa dak magħmul minn Ċipru u l-Irlanda. F’Ċipru, m’hemm l-ebda regolament fl-ebda livell. Dan ifisser li t-telework huwa regolat biss permezz ta’ deċiżjonijiet unilaterali ta’ min iħaddem, ftehimiet individwali jew tipi oħra ta’ mekkaniżmi individwali tal-vuċi. Bl-istess mod, fl-Irlanda, m’hemm l-ebda regolament speċifiku dwar it-telework, għalkemm il-gvern qed jippjana li jiżviluppa leġiżlazzjoni fl-2022. F’pajjiżi b’numru żgħir ta’ ftehimiet kollettivi u mingħajr leġiżlazzjoni fil-livell nazzjonali, se jkun hemm gruppi ta’ impjegati mingħajr protezzjoni għax m’hemmx regolament li jħarsuhom fir-rigward tat-telework