Spazji sikuri għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol
Studju li sar dan l-aħħar mill-Organizzazzjoni Dinjija tax-Xogħol (ILO) dwar iż-żgħażagħ u l-futur tax-xogħol, staqsa liż-żgħażagħ kif jaraw il-ħajja tax-xogħol tagħhom fl-10 snin li ġejjin. Ħafna fissru l-futur tagħhom b’ċertu biża’ jew inkella b’inċertezza.
Kważi 64 miljun żagħżugħ u żagħżugħa jinsabu qiegħda, u wieħed minn kull erba’ żgħażagħ la huma fis-suq tax-xogħol, la qed jedukaw ruħhom u lanqax m’huma qed jitħarrġu. Dan mingħajr ma wieħed iqis in-nuqqas ta’ impjiegi u l-isfidi ta’ ekonomija informali, li hi s-sitwazzjoni ta’ ħafna żgħażagħ.
Iż-żgħażagħ iridu mpjiegi b’pagi diċenti li joffru opportunitajiet għal ħajja aħjar, taħriġ li jiftaħ tali opportunitajiet u ħarsien soċjali li jgħinhom sabiex jiksbu l-miri tagħhom. Huma wkoll iridu li l-vuċi tagħhom tinstema’.
Filwaqt li ħafna żgħażagħ qed jagħmlu suċċess u sejrin tajjeb, ħafna oħrajn jinsabu mwaħħlin u b’ebda opportunita’, gwida u skop biex jikbru.
Huwa nuqqas għal kulħadd jekk l-enerġija u l-kreattivita’ taż-żgħażagħ ma jkunux appoġġjati. Il-ħolqien ta’ spazji sikuri għaż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol hu pass importanti li jista’ jgħin biex joħloq ambjent fejn iż-żgħażagħ ikunu jistgħu jindirizzaw firxa ta’ sfidi, mill-impjegabbilta’ sal-intrapriża, l-organizzazzjoni u r-rispett tad-drittijiet tagħhom.
Tali spazji sikuri jridu jkunu inklussivi, jassiguraw id-dinjita’ u r-rispett liż-żgħażagħ kollha, irrispettivament mir-razza, sess, reliġjon, nazzjonalita’ jew ideoloġija. Dan jeħtieġ innovazzjoni, impenn imġedded, azzjoni konkreta u, l-aktar importanti, il-kuntatt maż-żgħażagħ.
Il-gvern, it-trade unions, min iħaddem u l-organizzazzjonijiet tagħhom, kif ukoll il-komunitajiet u oħrajn jistgħu jagħmlu ħafna biex jappoġġjaw u jiżviluppaw l-ispazji li jipprovdu liż-żgħażagħ b’sigurta’ fiżika u psikoloġika biex jitgħallmu, isaħħu l-ħiliet u jaqsmu l-ideat u l-esperjenzi f’atmosfera kostruttiva. Permezz tad-djalogu soċjali, l-entitajiet jistgħu jikkomunikaw maż-żgħażagħ dwar kwistjonijiet li huma ċentrali għaċ-ċirkustanzi tagħhom u għal prospetti fil-futur, sabiex isibu soluzzjonijiet addattati għall-ħtiġiet taż-żgħażagħ.