Sinjali ta’ tnaqqis fis-suq tal-proprjetà
Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika jistgħu jindikaw li s-suq tal-propjetà qed juri sinjali ta’ tnaqqis sinifikanti, hekk kif in-numru ta’ kuntratti rreġistrati mal-awtorità tat-taxxa niżel drastikament.
Jirriżulta li f’Awwissu 2023, in-numru ta’ kuntratti relatati ma’ xiri ta’ proprjetà residenzjali kien ta’ 949, li kien tnaqqis ta’ 25% meta mqabbel mal-istess xahar tas-sena preċedenti kif ukoll Awwissu 2021 meta n-numru ta’ kuntratti kien ta’ 1,121.
Madankollu, il-valur tal-kuntratti tal-propjetajiet mixtrija f’Awwissu 2023 kien ta’ €263 miljun, li kien 9.4% inqas minn dak ta’ Awwissu 2022. Din id-diskrepanza bejn it-tnaqqis fin-numru ta’ kuntratti u l-valur tal-propjetajiet mixtrija tista’ tkun minħabba prezzijiet ogħla tal-proprjetà meta mqabbla ma’ is-sena ta’ qabel.
Analiżi usa’ turi li fl-2023 in-numru ta’ kuntratti rreġistrati kull xahar kien konsistentement inqas mill-istess perjodu tal-2022
It-tħassib dwar tnaqqis f’dan is-settur ġej miż-żieda fil-prezzijiet tal-proprjetà minħabba żieda fil-materjal tal-kostruzzjoni, il-finishes u servizzi anċillari. Ix-xejra ’l fuq qed tolqot ħażin dawk li jridu jixtru l-ewwel propjetà minkejja li qed jimmiraw għax xi appartament żgħir f’zoni tal-pajjiż mhux daqstant imfittxija.
F’Awwissu 2023, l-ogħla numru ta’ kuntratti ta’ bejgħ ta’ propjetà ġew reġistrati fid-Distrett tat-Tramuntana tal-Port u fid-Distrett tat-Tramuntana, b259 u 178 kuntratt, rispettivament. att, L-inqas li ġew irreġistrati kienu fid-Distrett tal-Punent, u d-Distrett ta’ Għawdex u Kemmuna, b’96 u 132 kuntratt rispettivament. San Pawl il-Baħar ikklassifika fuq nett b’79 kuntratt, segwit mill-Mosta (46), Birkirkara (41), Ħaż-Żabbar u Marsaskala (it-tnejn 37).
Sadattant, rapport tal-KPMG li kien pubblikat ftit ġimgħat ilu ikkonkluda li s-settur tal-kostruzzjoni naqas b’14% fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, u b’hekk estendiet xejra negattiva li ilha għaddejja sena u nofs. Skont il-KPMG l-industrija tal-kostruzzjoni naqset bi 12.5% filwaqt li servizzi speċjalizzati, bħat-twaqqigħ u xogħlijiet oħra, naqsu bi kważi 16%.
L-inġinerija ċivili, l-iżgħar parti tas-settur, ħadet daqqa ta’ ħarta akbar, u naqset b’16.5%. Skont ir-rapport dan kien l-iktar minħabba tnaqqis fin-nefqa tal-gvern fuq il-bini tat-toroq fl-aħħar sentejn.
Aktar indikazzjonijiet ta’ tnaqqis joħorġu mill-għadd ta’ konvenji li saru. Għalkemm f’Awwissu 2023 dan kien 5.5% aktar mill-istess xahar tal-2022, ilu jonqos minn Mejju. Għal darb’oħra, l-ogħla lokalità kienet San Pawl il-Baħar b’99 konvenju, segwita mill-Imsida (53) u Marsaskala (42).