Is-sajf ta’ din is-sena qed ikun wieħed memorabbli, iżda sfortunatament għal raġunijiet ħżiena. Ma’ kull ġurnata li tgħaddi qed jiżdied is-sentiment ta’ frustrazzjoni, disprament u rabja.

Dan is-sentiment jinħass fit-toroq tagħna bin-numru ta’ każi magħrufa bħala road rage qed jiżdiedu. Sfortunatament, l-istaġun tal-vaganzi ma ġabx it-tnaqqis tant mistenni fil-konġestjoni tat-traffiku. Minflok, il-konfużjoni tidher li marret għall-agħar bit-toroq arterjali staġnati minn filgħodu sal-lejl. F’ċerti nħawi bħall-Imsida, Burmarrad, l-Imġarr, ix-Xemxija, il-Marsa, u Triq Reġjonali m’għadux każ li tiġi evitata ir-rush ta’ filgħodu jew ta’ wara nofsinhar, peress li s-sitwazzjoni saret impossibbli l-ġurnata kollha. Is-sens ta’ frustrazzjoni ikompli jiżdied aktar bil-mod diżorganizzat li bih qed isiru x-xogħlijiet fit-toroq. L-għeluq tat-toroq mil-lum għall-għada, sinjali ta’ devjazzjonijiet tat-traffiku li suppost tneħħew u għadhom hemm, trinek li jitħallew magħluqa bil-konkos għal xhur sħaħ bit-triq f’kundizzjoni tal-biki, u persuni mhux kwalifikati jidderieġu t-traffiku, saru l-ordni tal-ġurnata.

Sadanittant, kull meta tibda togħla t-temperatura, djar, negozji u entitajiet kummerċjali jieħdu qatgħa, minħabba biżgħa li jispiċċaw għal sigħat twal mingħajr provvista tal-elettriku. Is-sitwazzjoni saret iddisprata sal-punt li l-uniċi li jidhru li qed igawdu minn dan kollu huma dawk li jbiegħu jew jikru l-generators. Ir-rispons tal-awtoritajiet s’issa kien wieħed dgħajjef u fjakk, filwaqt li l-agħar li marru kienu l-ħaddiema tal-Enemalta li spiċċaw jaħdmu lejl u nhar f’xemx tiżreġ biex jippruvaw jirranġaw is-sitwazzjoni. Fir-realtà qed inraqqu l-pannu bil-qargħa aħmar, peress li ż-żieda qawwija fil-popolazzjoni tfisser li hi biss kwistjoni ta’ żmien qabel is-sitwazzjoni tirrepeti ruħha.

Kwistjonijiet oħra li huma sors ta’ tħassib u inkwiet huma r-rati tal-kriminalità li qed jiżdiedu, partikolarment il-vjolenza fit-toroq l-imġiba anti-soċjali kif ukoll iż-żieda fl-għoli tal-ħajja li issa qed taqbeż il-medja tal-UE.

Dawn il-fatturi kollha qed jikkontribwixxu biex joħolqu sens profond ta’ diżillużjoni, biż-żgħażagħ issa aktar probabbli minn qatt qabel li ma jaraw l-ebda futur u jikkunsidraw li jitilqu minn Malta.

Fl-aħħar tas-snin sebgħin, bejn Novembru 1978 u Frar 1979 ir-Renju Unit kien ikkaratterizzat minn taqlib industrijali, inflazzjoni u temp estrem. Dan kollu seħħ fi żmien gvern Laburista mmexxi mill-Prim Ministru James Callaghan. Dan il-perjodu kien tlaqqam bħala l-winter of discontent. Meta wieħed iqabbel mas-sitwazzjoni attwali f’Malta jirrealizza li hemm ċertu xebħ. Il-mod qed kif tiżvolġi s-sitwazzjoni jidher li se jwassal biex ikun hemm il-verżjoni Maltija – a summer of discontent.