Iċ-ċertifikat tajjeb miksub mill-Awtorità tal-Mediċini għal mod kif sar ir-reklutaġġ tal-ħaddiema fl-aħħar snin hu xhieda ħajja tas-sinerġija li jkun hemm meta min iħaddem u l-unjin jaħdmu id f’id.  Dan is-suċċess inkiseb f’analiżi li saret mill-Awditur Ġenerali f’dan ir-regolatur fejn il-UĦM Voice of the Workers għanda l-għarfien uffiċjali.

“Ir-relazzjoni bejn l-Awtorità u l-UĦM Voice of the Workers hi waħda ta’ kordjalità u rispett reċiproku, biż-żewg naħat jaqblu ħafna fuq il-prinċipji tal-ugwaljanza u fuq miżuri favur il-bilanċ bejn il-ħajja privata u x-xogħol, liema prinċipji u miżuri jibbenefika minnhom kulħadd.”

Hekk qalet kelliema għall-Awtorità f’kummenti lil Voice of the Workers Weekly.

Mir-rapport jirriżulta li l-mod kif l-Awtorità tal-Mediċini żiedet l-impjegati tagħha – li minn 36 ħaddiem telgħu għal 88 bejn l-2012 u l-2019 – kien wieħed ta’ min ifaħħru. F’dan ir-rigward ir-regolatur ġab punti massimi f’analiżi li saret fuq ir-reklutaġġ ta’ 36 ħaddiem.  Tant hu hekk li ma kien hemm l-ebda ilment jew appell minn dawn ir-riżultati.

Il-kelliema tal-Awtorità qalet li eżempju ċar ta’ kif din ir-relazzjoni qed tissarraf f’riżultati konkreti kien il-qbil mal-union dwar l-operat tal-Awtorità matul il-pandemija.

“Bi qbil bejn iż-żewġ naħat din l-isfida ddawret f’opportunità biex ħidmet l-Awtorità mhux talli baqgħet għaddejja bla xkiel, iżda saħansitra żdiedet il-produttività filwaqt li ittieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex ġiet imħarsa s-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati. Tant illi l-Awtorità ġiet meqjusa bħala mudell ta’ kif l-entitajiet pubbliċi għandhom joperaw,” il-kelliema żiedet.

Ir-rapport wera kif il-prinċipji fundamentali biex entitajiet pubbliċi jitmexxew b’suċċess – fosthom il-kolleġjalità, li taħdem bħala tim, l-investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sehem f’attivitajiet Ewropej u internazzjonali, it-trasparenza, it-tħaddin ta’ Standard Operating Procedures, il-ħarsien fuq il-kwalità, l-effikaċja u s-sigurtà tal-mediċini, u fuq kollox iż-żamma tal-klijent (fil-każ tal-Awtorità, il-pazjent) fiċ-ċentru tal-ħidma – huma ċentrali fil-ħidma ta’ dan ir-regolatur.

Fir-rapport tiegħu l-Awditur Ġenerali ddeskriviha l-Awtorità bħala ċentru t’eċċellenza u eżempju tal-aqwa prattiċi fis-seħħ.  Fuq kollox dan ir-riżultat ikompli jikkonferma kemm relazzjonijiet tax-xogħol b’saħħithom bejn maniġment u unjin huma indispensabbli għas-suċċess. Il-kelliema spjegat li l-Awtorità tgawdi minn rabtiet sodi msejsa fuq il-prinċipju tal-koperazzjoni sinċiera, u mibnija fuq djalogu kostruttiv u kontinwu mal-partijiet kollha, inkluż mas-settur privat u mal-Gvern ċentrali. Hi qalet li dan il-prinċipji huma reċiprokati mill-Ministeru u s-Segretarjat Parlamentari responsabbli mill-Awtorità, partikolarment mis-Segretarju Parlamentari Deo Debattista, li fissret kif dejjem ikun dispost jappoġġja u jsostni l-Awtorità u l-impjegati tagħha fl-inizjattivi kollha mwettqa minnha