Right to disconnect: Aktar evidenza dwar l-impatt fuq il-ħaddiema
Aktar evidenza qed turi li l-impjegati għandhom it-tendenza li jirrispondu għal sejħiet relatati max-xogħol barra mis-sigħat tal-ħidma minħabba l-biża’ li jistgħu ixekklu ċ-ċansijiet tagħhom ta’ progress fil-karriera jew saħansitra li jkun hemm konsegwenzi negattivi.
Skont stħarriġ tal-Eurofound dwar ir-right to disconnect, 61% qalu li wieġbu sejħiet wara l-ħin tax-xogħol peress li kienu mħassba serjament li jekk ma jagħmlux dan jista’ jkollhom inkwiet mas-superjuri tagħhom. Barra minn hekk, nofs dawk li wieġbu qalu li jekk iwieġbu għal sejħiet bħal dawn itejbu ċ-ċansijiet tagħhom li javvanzaw fil-karriera fi ħdan l-organizzazzjoni.
Ir-riċerka saret fil-bidu ta’ din is-sena fil-Belġju, Franza, l-Italja u Spanja permezz ta’ stħarriġ tal-impjegati u kwestjonarji fost il-maniġers tar-riżorsi umani.
L-użu dejjem jikber ta’ apparat diġitali u t-tendenza – aċċellerata matul il-pandemija – lejn remote working ġabu magħhom vantaġġi u xi żvantaġġi. Wieħed mill-iżvantaġġi ewlenin huwa relatat mar-riskji li jirriżultaw minn kultura li qatt ma taqta’ l-kuntatt mal-post tax-xogħol (always-on culture) li tista’ twassal għal sigħat addizzjonali ta’ xogħol u inqas perjodi ta’ mistrieħ. Dawn jistgħu jkollhom impatt negattiv mhux biss fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata iżda wkoll is-sodisfazzjon tax-xogħol u s-saħħa tal-ħaddiem.
Dawn huma wħud mis-sejbiet ewlenin ta’ dan l-istudju:
- Aktar minn 70% tal-ħaddiema f’kumpaniji li għandhom policy dwar right to disconnect kellhom impatt pożittiv ħafna jew kemmxejn pożittiv; 26% qiesu li ma kien hemm l-ebda impatt.
- Aktar minn 80% tal-ħaddiema mistħarrġa rrappurtaw li rċevew sejħiet relatati max-xogħol barra l-ħinijiet kuntrattwali tagħhom matul ġimgħa tax-xogħol tipika. Kważi tliet kwarti rrappurtaw li kważi ta’ kuljum kienu kkuntattjati minn kollegi barra mis-sigħat normali; 67% kienu kkuntattjati minn line managers. Il-maġġoranza l-kbira (kważi 9 minn kull 10) qalu li wieġbu komunikazzjonijiet bħal dawn, b’wieħed minn kull erbgħa jwieġeb għas-sejħiet u l-messaġġi kollha li waslu barra l-ħin tax-xogħol.
- Madwar 45% tal-ħaddiema wieġbu li fil-kumpanija tagħhom hemm fis-seħħ policy apposta. Minn dawn, 80% iqisu li l-policy tapplika għalihom. Madankollu, nofs biss ta’ dawk li jaħdmu f’kumpaniji fejn hemm policy dwar dan kienu jafu x’azzjoni ttieħdet biex din tkun implimentata.
- L-aktar raġunijiet il-għala sejħiet relatati max-xogħol kienu mwieġba minkejja li ma kienux fil-ħin tax-xogħol kienu dawn: il-bżonn li turi li int impjegat responsabbli (82%), li tkun tixtieq tibqa’ infurmat dwar dak li jkun għaddej (75%), għax hu mistenni li l-ħaddiem ikun disponibbli l-ħinijiet kollha (75%), biża’ ta’ konsegwenzi negattivi jekk ma tweġibx (61%) u biex ittejjeb iċ-ċansijiet li tavvanza fil-karriera (50%).
- Kważi nofs dawk li wieġbu regolarment jaħdmu aktar sigħat milli huma kkuntrattati, ħafna drabi biex iwettqu xogħol li ma setgħux itemmu matul il-ħinijiet normali (37%). Aktar minn terz tal-ħaddiema jaħdmu sigħat addizzjonali fuq talba espliċita tal-maniġers, u inqas minn wieħed minn ħamsa (17%) jagħmlu dan prinċipalment minħabba li jiġu kkuntattjati barra mill-ħinijiet. Sigħat addizzjonali maħduma minħabba li l-impjegati jiġu kkuntattjati minn maniġers, kollegi jew klijenti barra mis-sigħat huwa t-tip ta’ overtime li għalih il-ħaddiema għandhom l-inqas ċans li jiġu kumpensati finanzjarjament.
- Li jkollok right to disconnect ma jidhirx li jnaqqas il-probabbiltà li ħaddiema jiġu kkuntattjati barra mill-ħinijiet jew li jirrispondu għal tali komunikazzjoni. Madankollu, proporzjon akbar ta’ ħaddiema f’kumpaniji li m’għandhomx din il-policy jirrapportaw li jaħdmu sigħat addizzjonali minħabba li jiġu kkuntattjati barra mill-ħinijiet normali, meta mqabbel ma’ dawk li jaħdmu f’kumpaniji li għandhom tali policy. (19% meta mqabbla ma’ 14%). F’kumpaniji bir-right to disconnect, sigħat addizzjonali huma maħduma prinċipalment fuq sahra miftiehma u l-ħaddiema għandhom iktar ċans li jiġu kumpensati għal sigħat addizzjonali. Dan jgħodd b’mod partikolari fir-rigward ta’ sigħat addizzjonali maħduma minħabba li jiġu kkuntattjati barra mill-ħinijiet.
- Is-sodisfazzjon bil-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata kien ġeneralment għoli fost dawk kollha mistħarrġa, b’85% tal-ħaddiema jindikaw li s-sigħat tax-xogħol tagħhom kienu jaqblu ħafna mal-familja u impenji oħra (25%) jew pjuttost tajjeb (60%). Madankollu, il-ħaddiema f’kumpaniji li għandhom tali policy irrappurtaw li kellhom bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata minn ħaddiema f’kumpaniji li m’għandhomx din il-policy. (92% meta mqabbla ma’ 80%).
Għalkemm l-istudju jipprovdi evidenza li tikkonferma li l-introduzzjoni ta’ policies dwar right to disconnect jgħinu għal bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, is-saħħa, u s-sodisfazzjon ġenerali tax-xogħol, dan mhux biżżejjed. Tali policies għandhom jiġu kkombinati ma’ ħolqien ta’ kuxjenza, miżuri ta’ implimentazzjoni effettivi, monitoraġġ u reviżjoni kontinwa mill-maniġment u r-rappreżentanti tal-impjegati, kif ukoll miżuri biex jiġu indirizzati l-kawżi li jwasslu biex ħaddiema ma jaqtgħux il-kuntatt max-xogħol wara l-ħin tal-ħidma.