Reserved parking bl-abbdundanza fis-sena tal-elezzjoni
Il-ħruġ ta’ permess għal reserved parking għad-detenturi tal-blue badge laħaq l-ogħla livell hekk kif bdiet toqrob l-elezzjoni ġenerali meta inħarġu qrib 1,500 permess. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira ta’ dawn il-permessi ma ngħatawx għall-użu tal-komunità – jiġifieri għal dawk kollha li jkollhom il-badge blu – iżda għall-benefiċċju ta’ individwi b’xi forma ta’ diżabilità li talbu spazju għall-parkeġġ riżervat barra r-residenza tagħhom. Dan ifisser li ħadd ħliefhom ma jista’ juża dan il-parkeġġ riservat.
Statistika li tpoġġiet dan l-aħħar fil-parlament turi li fl-2022 biss inħarġu 717-il permess li minnhom 595 kienu għal spazji ta’ parkeġġ personalizzati. It-total annwali huwa bejn wieħed u ieħor id-doppju tal-ammont maħruġ fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena.
Fl-aħħar xhur dan il-portal irċieva ilmenti li f’ċerti zoni il-parkeġġi riservat personalizzati għal detenturi ta’ badge blu dehru li kienu donnhom qed ifaqqsu. Il-kwistjoni hi waħda kemm xejn sensittiva u taħraq għax l-ispazji tal-parkeġġ huma limitati ħafna. Dan qed iqajjem mistoqsijiet dwar il-kriterji li qed jintużaw biex jingħata dan il-privileġġ. Filwaqt li ma kien hemm l-ebda evidenza konkreta li dawn il-permessi kienu qed jingħataw biex jinxtraw il-voti, iż-żieda qawwija rreġistrata hekk kif bdiet toqrob l-elezzjoni qanqlet ċertu tħassib. Barra minn hekk, l-iskandlu li ħareġ dan l-aħħar dwar mijiet ta’ ċertifikati ta’ diżabilità foloz li nħarġu fl-aħħar snin, qajmu mistoqsijiet jekk kienx hemm il-possibbiltà xi wħud minn dawn iċ-ċertifikati foloz intużawx biex jinħarġu xi permess tar-reserved parking.
Il-kwistjoni tqajmet dan l-aħħar fil-parlament mid-Deputat tal-Oppożizzjoni Darren Carabott li talab lill-Ministru tat-Trasport Aaron Farrugia statistika dwar il-permessi għal parkeġġ riżervat għal persuni b’diżabilità, li nħarġu mill-2018 ’il quddiem.
Skont il-ministru matul dan il-perjodu nħarġu 1,712 permess ġdid. Madankollu, meta dan il-portal analizza l-istatistika irriżulta li t-total fil-lokalitajiet kollha kien ta’ 2,892. Din id-diskrepanza kienet iġġustifikata mill-ministeru għar-raġuni li kien hemm 1,180 permess personalizzat li ħadu post permess antiki li kienu għall-użu tal-komunità. Madankollu ma ngħatat l-ebda spjegazzjoni għal dan iċ-ċaqliq, għalkemm ħareġ li llum il-ġurnata ħafna mill-permessi li qed jinħarġu huma personalizzati u mhux għall-benefiċċju ta’ dawk kollha li għandhom il-blue badge.
Analiżi ulterjuri tal-istatistika turi li matul dan il-perjodu (2018-2023) l-ogħla numru ta’ permessi nħarġu fl-2022 (717), segwit mill-2021 (692), 2018 (655), 2019 (486) u 2023 (340 sa Ottubru).
Barra minn hekk, il-maġġoranza assoluta tal-permessi maħruġa kienu għal spazji ta’ parkeġġ personalizzati, jiġifieri li ma setgħux jintużaw minn detenturi oħra tal-badge il-blu. Tali permessi huma mfittxija minn individwi li jitolbu li jkollhom spazju ta’ parkeġġ riżervat barra r-residenza tagħhom minħabba l-istatus ta’ diżabilità tagħhom. Filwaqt li wieħed jifhem li l-akbar numru ta’ permessi nħarġu f’San Pawl il-Baħar u Birkirkara – żewġ lokalitajiet bl-ogħla popolazzjoni – il-fatt hu li fl-aħħar mill-aħħar dan qed jirriżulta f’telf ta’ madwar 190 post ta’ parkeġġ f’kull lokalità. Tali privileġġ qed jingħata b’detriment għar-residenti l-oħra li diġà jinsabu daharhom mal-ħajt minħabba l-parkeġġ limitat li hemm. Lokalitajiet oħra fejn inħareġ numru relattivament kbir ta’ permessi kienu jinkludu Ħal Qormi (176), Tas-Sliema (130), il-Mosta (122), Raħal Ġdid (112) u l-Ħamrun (103).