Hekk kif l-Unjoni Ewropea tistabbilixxi miri ambizzjużi permezz tal-pakkett Fit for 55 biex tiġġieled it-tibdil fil-klima, wieħed irid jeżamina bir-reqqa l-konsegwenzi potenzjali mhux intenzjonati ta’ inizjattivi bħal dawn. L-inklużjoni tas-settur marittimu fl-Iskema ta’ Skambju ta’ Emissjonijiet tal-UE (ETS) hija tentattiv ta’ min ifaħħru biex jiġi indirizzat it-tħassib ambjentali.  Madankollu, dan jista’ jitfa’ ċentri ekonomiċi vitali, bħall-Port Ħieles ta’ Malta f’baħar ta’ inkwiet

Il-pakkett Fit for 55, parti integrali mill-Patt Ekoloġiku tal-UE, ifittex li jaċċellera t-tranżizzjoni għal ekonomija sostenibbli u b’livell baxx ta’ karbonju. Madankollu, f’dan il-proċess l-iskema se ġġib riperkussjonijiet ekonomiċi severi fuq Malta, partikularment fis-settur tat-trasbord.

L-industrija tat-trasbord, pedament ewlieni tal-ekonomija Maltija, qed tiffaċċja sfida imminenti. Kumpaniji li joperaw f’dan is-settur issa huma mgħobbija bi spejjeż addizzjonali minħabba l-inklużjoni tat-tbaħħir fl-ETS. Dan se jwassal biex l-operaturi fis-settur tat-trasbord ifittxu alternattivi biex jiffrankaw dawn l-ispejjeż.

Wieħed mix-xenarji possibbli hu li dawn ma jibqgħux jgħaddu minn Malta imma jmorru lejn portijiet fl-Afrika ta’ Fuq. Ironikament, din il-bidla tista’ twassal għal xenarju kontro produċenti fejn l-emissjonijiet jiżdiedu aktar milli jonqsu minħabba li r-rotot ikollhom jitwalu biex il-bastimenti jidħlu f’portijiet mhux tal-UE. B’hekk l-intenzjoni oriġinali li jitnaqqsu l-emissjonijiet permezz tal-ETS ma tintlaħaqx lanqas b’riżultat li jkunu imminati l-miri ambjentali tad-direttiva stess..

Ir-riperkussjonijiet għal Malta huma koroh. II-Port Ħieles ta’ Malta se jara tnaqqis sinifikanti fl-attività hekk kif il-kumpaniji se jfittxu x’imkien ieħor biex inaqqsu l-ispejjeż. L-impatt ekonomiku jestendi lil hinn mis-settur tat-trasbord, u se jaffettwa l-għajxien ta’ eluf ta’ ħaddiema u l-istabbiltà ekonomika ġenerali tal-pajjiż.

L-urġenza ta’ din il-kwistjoni ma tistax tintefa’ taħt it-tapit. Iż-żmien għaddej u għalhekk hu kruċjali li tittieħed azzjoni malajr kemm jista’ jkun biex jitħarsu l-interessi ekonomiċi ta’ Malta. L-Unjoni Ewropea trid tikkunsidra mill-ġdid bir-reqqa l-inklużjoni tas-settur tat-tbaħħir fl-ETS u tivvaluta l-konsegwenzi potenzjali fuq ir-reġjuni li jiddependu ħafna fuq l-attivitajiet marittimi. Meħtieġ sforz kollaborattiv biex jintlaħaq bilanċ bejn is-sostenibbiltà ambjentali u l-vijabbiltà ekonomika.

Filwaqt li l-isforzi tal-UE biex tiġġieled it-tibdil fil-klima huma ta’ min ifaħħarhom, il-konsegwenzi mhux intenzjonati fuq l-industrija tat-trasbord f’Malta jitolbu strateġija partikolari fil-kuntest tar-realtajiet ta’ dan ir-reġjun. Il-bilanċ tal-objettivi ambjentali mar-realtajiet ekonomiċi tal-istati membri individwali huwa essenzjali biex tiġi żgurata tranżizzjoni ġusta u effettiva lejn futur aktar ekoloġiku. Din hi kwistjoni delikata jeħtieġ issir xi ħaġa, qabel ma l-konsegwenzi mhux intenzjonati jsiru realtajiet irriversibbli għal Malta u ċentri ekonomiċi vulnerabbli oħra madwar l-Unjoni Ewropea.