Regoli ġodda tal-UE kontra l-vizzji diġitali
Il-Kumitat tas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur adotta abbozz ta’ rapport (bi 38 vot favur, xejn kontra u astensjoni waħda) li jwissi dwar in-natura ta’ dipendenza ta’ ċerti servizzi diġitali, bħal logħob online, midja soċjali, servizzi ta’ streaming, u swieq onlajn, li jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tan-nies biex jaqbdu l-attenzjoni tagħhom u jużaw informazzjoni dwarhom biex jaqilgħu il-flus.
Effetti fuq is-saħħa mentali
Filwaqt li l-midja soċjali tista’ taffettwa s-soċjetà b’modi pożittivi (eż. żieda fl-effiċjenza, l-aċċessibbiltà, il-konnettività), tista’ tikkawża ħsara fiżika, psikoloġika u materjali (telf ta’ konċentrazzjoni u kapaċità konjittiva, burnout, stress, depressjoni, attività fiżika limitata). Il-MPE huma imħassba dwar l-impatt li l-vizzju diġitali għandu fuq it-tfal u l-adolexxenti, li huma aktar vulnerabbli għal dawn is-sintomi, u jappellaw għal aktar riċerka u regolamentazzjoni f’dan il-qasam.
Regoli ġodda ferm meħtieġa
L-MEPs jemmnu li regoli reċenti bħall-Att dwar is-Servizzi Diġitali (DSA) u l-Att dwar l-Intelliġenza Artifiċjali mhumiex biżżejjed biex jirregolaw dan it-tip ta’ vizzju. Huma jħeġġu lill-Kummissjoni biex tagħlaq il-lakuni legali eżistenti u tippreżenta leġiżlazzjoni ġdida dwar is-suġġett. Jekk dan ma jiġix indirizzat, il-Parlament għandu juża d-dritt tiegħu ta’ inizjattiva leġiżlattiva.
Barra minn hekk, il-MPE jgħidu li prattiċi li għandhom l-iskop li jwaqqgħu l-utenti f’vizzju u li mhumiex koperti bid-direttiva dwar Prattika Kummerċjali Inġusta (eż. infinite scroll, awto-play default, notifiki ta’ rċevuta kostanti push u read) għandhom jiġu eżaminati u pprojbiti mill-Kummissjoni.
Prattiċi etiċi
Il-MPE jridu li l-kumpaniji jkunu obbligati jiżviluppaw prodotti u servizzi diġitali etiċi u ġusti “b’disinn” mingħajr mudelli dubjużi, qarrieqa u li jinkoraġġixxu xi vizzju. Il-Kummissjoni għandha tressaq “dritt diġitali li ma tiġix disturbat” u toħloq lista ta’ prattiki tajbin bħal: “aħseb qabel ma tagħmel share”; it-tifi tan-notifiki awtomatikament; twissijiet jew limitazzjoni awtomatika tal-aċċess wara ċertu ħin stabbilit minn qabel (b’mod partikolari għal minuri); sommarji totali tal-ħin tal-iskrin. Linji gwida dwar l-edukazzjoni u kampanji ta’ għarfien għandhom jippromwovu strateġiji ta’ awtokontroll biex jgħinu lill-individwi jiżviluppaw imġieba online aktar sigura u drawwiet tajbin għas-saħħa.
Il-passi li jmiss
Il-Kummissjoni Ewropea bħalissa qed twettaq evalwazzjoni biex tara jekk għandhiex bżonn taġġorna ċerta leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur biex tiżgura livell għoli ta’ protezzjoni fl-ambjent diġitali. Ir-riżultati huma mistennija fl-2024. Ir-rapport fuq inizjattiva proprja tal-Parlament, ladarba jiġi adottat fil-plenarja, se jdaħħal fil-kontroll tal-kundizzjoni li għaddej bħalissa.