Abbozz ta’ liġi ġdid tal-UE se jiżgura livell minimu ta’ protezzjoni tal-pagi fl-istati membri kollha, sabiex jiġu garantiti standards ta’ għajxien deċenti għall-ħaddiema u l-familji tagħhom.

Il-Membri Parlamentari Ewropej fil-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali appoġġjaw  il-ħolqien ta’ rekwiżiti minimi biex jipproteġu l-pagi madwar l-UE, jew billi tiġi stabbilita paga statutorja (l-inqas paga permessa mil-liġi), jew billi jitħallew lill-ħaddiema jinnegozjaw il-pagi tagħhom ma’ min iħaddimhom. Il-leġiżlazzjoni l-ġdida għandha tapplika għall-ħaddiema kollha fl-UE li għandhom kuntratt ta’ impjieg jew relazzjoni ta’ impjieg.

Skont l-abbozz ta’ liġi, l-Istati Membri jridu jivvalutaw u jirrappurtaw jekk il-pagi minimi statutorji humiex biżżejjed billi jużaw kriterji biex jistabbilixxu kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien deċenti u jinkludu elementi bħall-poter tal-akkwist u r-rata tal-faqar. L-Istati Membri li fihom il-paga minima hija protetta esklussivament permezz ta’ ftehimi kollettivi mhux se jkunu obbligati li jintroduċu pagi statutorji jew li jagħmlu dawn il-ftehimiet applikabbli b’mod universali.

Il-promozzjoni tan-negozjar kollettiv

L-abbozz ta’ direttiva għandu l-għan espliċitu li jsaħħaħ u jestendi l-kopertura tan-negozjar kollettiv u jipproteġi lill-ħaddiema billi jipprovdilhom paga minima permezz ta’ dawn in-negozjati. L-Istati Membri li fihom in-negozjar kollettiv huwa disponibbli għal inqas minn 80% tal-forza tax-xogħol, għandhom jieħdu passi attivi biex jippromwovu din l-għodda. Biex ifasslu l-aħjar strateġija għal dan il-għan, għandhom jikkonsultaw lill-imsieħba soċjali u jinfurmaw lill-Kummissjoni Ewropea bil-miżuri adottati.

Barra minn hekk, se jkun espliċitament ipprojbit li ddgħajjef in-negozjar kollettiv jew il-ftehimi kollettivi dwar l-iffissar tal-pagi. Il-ħaddiema jridu jkunu jistgħu jissieħbu fi trejdjunjins u ma jistgħux ikunu ostakolati milli jagħmlu dan.

Rimedju

L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jiżguraw li l-ħaddiema jkollhom dritt għal rimedju, jekk id-drittijiet tagħhom jinkisru. Il-ħaddiema għandhom jiġu kkumpensati b’mod adegwat u jkunu jistgħu jirkupraw kwalunkwe remunerazzjoni dovuta. L-awtoritajiet nazzjonali għandhom jieħdu wkoll il-miżuri meħtieġa biex jipproteġu lill-ħaddiema u lir-rappreżentanti tat-trejdjunjins milli jiġu ttrattati b’mod inġust minn min iħaddimhom minħabba ilment li jkunu ressqu jew kwalunkwe proċediment ieħor mibdi biex jinfurza d-drittijiet tagħhom.

Il-passi li jmiss

L-abbozz ta’ mandat ta’ negozjar ġie adottat b’37 vot, 10 kontra, b’7 astensjonijiet. Għandu jiġi approvat mill-plenarja (matul is-sessjoni tat-22-25 ta’ Novembru fi Strasburgu) qabel ma jkunu jistgħu jibdew in-negozjati mal-Kunsill dwar il-forma finali tal-leġiżlazzjoni.

Sfond

Id-dritt għal paga minima adegwata jissemma fil-Prinċipju 6 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, li ġie miftiehem b’mod konġunt mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill f’isem l-istati membri kollha, u l-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2017. Il-Parlament Ewropew ripetutament talab għal azzjoni leġiżlattiva dwar dan is-suġġett. F’Ottubru 2020, il-Kummissjoni ressqet proposta għal direttiva biex ittejjeb l-adegwatezza tal-pagi minimi fl-UE.

Fl-UE, 21 minn 27 pajjiż għandhom paga minima statutorja, filwaqt li fis-sitta l-oħra (l-Awstrija, Ċipru, id-Danimarka, il-Finlandja, l-Italja u l-Isvezja) il-livelli tal-pagi huma determinati permezz ta’ negozjar kollettiv. Il-pagi minimi mensili jvarjaw ħafna madwar l-UE, u jvarjaw minn €332 fil-Bulgarija għal €2,202 fil-Lussemburgu (data tal-2021 mill-Eurostat).