Il-MPE approvaw b’mod qawwi l-proposta tal-Kummissjoni li timplimenta fil-liġi l-ftehim internazzjonali dwar rata minima globali ta’ taxxa korporattiva ta’ 15%. Ir-rapport, miktub minn Aurore Lalucq (S&D, FR) ġie adottat mill-kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji b’46 vot favur, 4 voti kontra u 7 astensjonijiet.

Dan japprova l-elementi ewlenin tal-proposta tal-Kummissjoni, l-iskeda taż-żmien tal-implimentazzjoni proposta u l-iskadenza tal-implimentazzjoni tal-31 ta’ Diċembru 2022 bil-għan li l-liġi tapplika malajr.

Ir-rapport adottat madankollu jagħmel ukoll ċerti bidliet fil-proposta tal-Kummissjoni. Waħda hija l-introduzzjoni ta’ klawżola ta’ reviżjoni li tipprevedi r-reviżjoni tal-limitu tad-dħul annwali li ’l fuq minnu korporazzjoni multinazzjonali tkun soġġetta għar-rata minima tat-taxxa, u titlob ukoll li jiġi evalwat l-impatt tal-leġiżlazzjoni fuq il-pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-MPE jfittxu wkoll li jnaqqsu ċerti eżenzjonijiet proposti mill-Kummissjoni, u jillimitaw il-possibbiltà ta’ abbuż tar-regoli, notevolment billi jintroduċu artikolu speċifiku li jkun fih regoli għall-ġlieda kontra l-iskemi ta’ evitar tat-taxxa.

Il-passi li jmiss

Ir-rapport se jitressaq għal votazzjoni plenarja, u wara jikkostitwixxi l-opinjoni tal-Parlament. Din l-opinjoni trid tiġi kkunsidrata mill-istati membri meta jadottaw it-test finali b’unanimità.

Sfond

L-għan tad-direttiva huwa li tittrasponi fil-liġi tal-UE r-riforma tar-regoli dwar it-tassazzjoni korporattiva internazzjonali li ġew miftiehma mill-OECD/G20 f’Diċembru 2021. Dan il-ftehim globali għandu l-għan li jiżgura rata minima tat-taxxa korporattiva ta’ 15% għal korporazzjonijiet multinazzjonali kbar u jikkostitwixxi pass ewlieni lejn sistema effettiva u ġusta ta’ tassazzjoni tal-profitt. Il-Kummissjoni għamlet il-proposta tagħha ftit jiem wara li ntlaħaq il-ftehim internazzjonali.