Rapport tal-Kummissjoni jwissi dwar is-sostenibbiltà tas-servizzi tal-kura fit-tul
Rapport tal-Kummissjoni Ewropea wissa li s-sostenibbiltà tas-servizzi ta’kura fit-tul f’Malta bħal djar għall-anzjani tista’ tkun mhedda minħabba ż-żieda fl-ispiża ikkawżata mill-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ. Dan jista’ jwassal biex il-Gvern ikollu jgħolli t-taxxi.
“M’hemm l-ebda fondi ta’ assigurazzjoni ad hoc għal kwalunkwe aspett tas-sigurtà soċjali (inkluż kura fit-tul) f’Malta u jekk din iż-żieda fin-nefqa timmaterjalizza, ikollha tiġi kumpensata jew minn tassazzjoni ġenerali jew minn żieda fil-bolla minn dakw li jaħdmu bi qligħ,” ir-rapport qal.
Din il-possibbiltà qed tiġi mbassra fir-Rapport tal-Kura fit-Tul tal-2021 ‘Xejriet, sfidi u opportunitajiet f’soċjetà li qed tixjieħ’ li ġie ppubblikat mill-Kummissjoni Ewropea u l-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali. Ir-rapport jinnota li l-fatt li l-popolazzjoni qed tixjieħ hu ta’ “tħassib ewlieni” għal dawk li jfasslu l-politika. Din is-sena in-nefqa pubblika fuq kura fit-tul mistennija tiżdied sostanzjalment fuq l-2019. Skond it-tbassir tal-Kummissjoni sal-2050 in-nefqa annwali se tirdoppja u tilħaq 2% tal-PGD.
Erba’ sfidi ewlenin
Ir-rapport jelenka erba’ sfidi ewlenin għall-futur ta’ servizzi ta’ kura fit-tul f’Malta:
- Aċċess: Is-servizzi istituzzjonali għandhom jiġu estiżi biex jissodisfaw id-domanda. Dan jista’ jsir billi jiġu implimentati inċentivi għal kura fit-tul ibbażata fid-dar bħal dawk fiskali biex jagħmlu aktar aċċessibbli l-impjieg ta’ carers u l-użu ta’ teknoloġija moderna bħas-sorveljanza bil-video biex tipprovdi aktar sigurtà lill-benefiċjarji. Hemm ukoll ħtieġa urġenti li titjieb il-kura fit-tul għal dawk b’mard mentali li għadhom stigmatizzati.
- Affordabilità: Jeħtieġ aktar appoġġ finanzjarju għal nies li ma jifilħux iħallsu għal carer personali d-dar. It-test tal-mezzi applikabbli bħalissa għall-membri tal-familja li qed jieħdu ħsieb xi qarib jeħtieġ hu strett iż-żejjed u bżonn li jkun rivedut.
- Kwalità: Żieda fl-opportunitajiet ta’ taħriġ professjonali biex tonqos id-dipendenza fuq ħaddiema barranin. Jeħtieġ li jiġu offruti aktar opportunitajiet ta’ taħriġ ukoll lil carers informali biex itejbu ċ-ċansijiet tagħhom li jirritornaw fis-suq tax-xogħol formali wara żmien ’il bogħod mix-xogħol imħallas minħabba l-ħtiġijiet ta’ kura fit-tul fil-familja tagħhom stess.
- Sostenibbiltà: Il-volontarjat jeħtieġ li jiġi mħeġġeġ aktar, peress li jistgħu jgħinu
professjonisti f’xogħlijiet fejn m’hemmx bżonn ta’ għarfien speċjalizzat. Voluntiera diġà organizzati fi gruppi, bħad-Djakonija mmexxija mill-Knisja, għandhom jiġu inkorporati fi programmi uffiċjali ta’ kura fil-livell lokali. Żgħażagħ Maltin għandhom bżonn jiġu mħeġġa jagħżlu polza ta’ assigurazzjoni aħjar f’każ ta’ bżonn ta’ kura fit-tul, billi l-pensjonijiet tal-Gvern jistgħu ma jkunux kapaċi jkopru r-rekwiżiti kollha tagħhom meta eventwalment ikollhom bżonnhom.