Quo vadiz Għawdex?
Fl-aħħar snin Għawdex għadda minn trasformazzjoni sinifikanti f’dak li għandu x’jaqsam mad-demografija, l-ambjent kif ukoll l-aspetti soċjali u ekonomiċi.
It-theddida ambjentali ikkawżata mill-iżvilupp qawwi fl-industrija tal-kostruzzjoni, speċjalment fis-Sannat, ix-Xagħra, Marsalforn u x-Xlendi hi ta’ tħassib. Dan l-iżvilupp kien ir-riżultat ta’ policies speċifiċi biex jiġġeneraw tkabbir ekonomiku f’Għawdex u jindirizzaw it-tibdil demografiku. Miżuri bħar-roħs tat-taxxa tal-boll kienu immirati speċifikament għal dan il-għan. M’hemm xejn ħażin f’tali politika sakemm ikun hemm direzzjoni ċara, u aktar importanti minn hekk ċerti linji ħomor ma jinqabżux. B’dawn tal-aħħar nifhmu żvilupp esaġerat, l-estetika, bini sproporzjonat li jistona mal-madwar, qerda ta’ art verġni u impatt viżiv negattiv li jħassar l-iskyline. Sfortunatament, postijiet bħax-Xlendi tilfu l-ġmiel tagħhom, għax dan il-villaġġ tradizzjonali ħdejn il-baħar illum bil-kemm jingħaraf. Il-bozza l-ħamra qed tixgħel ukoll f’partijiet oħra ta’ Għawdex, fejn il-knisja parrokkjali qed tispiċċa tindifen bil-bini għoli tal-madwar. F’dan ir-rigward, hemm bżonn urġenti li jittieħed kont tas-sitwazzjoni u jiġi regolat l-iżvilupp biex jiġu mħarsa iċ-ċentri storiċi tal-irħula li huma attrazzjoni ewlenija f’Għawdex. Jekk ma jsir xejn, ikun ifisser li rħula bħall-Għasri, l-Għarb, San Lawrenz u ż-Żebbuġ se jitilfu l-karatteristiċi tagħhom.
Minn aspett demografiku Għawdex għadda minn trasformazzjoni wkoll. Filwaqt li l-policies ma rnexxilhomx ireġġgħu lura l-eżodu taż-żgħażagħ Għawdxin li jmorru Malta għal opportunitajiet aħjar ta’ xogħol, qed imorru Għawdex ħaddiema barranin taċ-cheap labour, bħal ma qed jiġri f’Malta. Għalhekk, f’Għawdex qed jiżdiedu każijiet ta’ ġlied u l-kriminalità f’zoni bħal Marsalforn u x-Xlendi.
F’dak li għandu x’jaqsam mas-suq tax-xogħol l-influss ta’ ħaddiema barranin serva biss jimla l-vojt fl-ekonomija Għawdxija li nħoloq bħala riżultat ta’ ‘fenomenu’ fejn kulħadd irid imur jaħdem mal-gvern. Fit-turiżmu aktar minn 80% tal-ħaddiema huma barranin. Din l-industrija inqabdet f’ċirku vizzjuż b’impjegati barranin jitħallsu pagi baxxi ta’ madwar €4.50 fis-siegħa li jwassal biex il-ħaddiema la jkunu mħarrġin u lanqas kwalifikati. Ir-riżultat hu li t-turisti li jqattgħu xi jiem Għawdex qed jitilfu parti mill-esperjenza tagħhom, hekk kif mhux qed iduqu l-karattru tipiku Għawdxi u l-poplu tiegħu. Barra minn hekk, is-servizz li qed jiġi minn dawn il-ħaddiema barranin imħallsin bix-xejn mhux tal-livell mistenni. F’ċerti każi saħansitra kien hemm ilmenti li s-sefturi fil-lukandi ma ndunawx bid-differenza bejn xugaman tal-wiċċ u tapit tal-art! Fid-dawl ta’ dan hu kruċjali li jittejjeb il-proċess ta’ reklutaġġ biex tingħata esperjenza aħjar. Min-naħa l-oħra, dan irid ikun kumplimentat b’kundizzjonijiet ta’ impjieg aħjar.
Il-futur ta’ Għawdex jinsab f’riskju. Jekk tassew nemmnu li din hija djamant, irridu nieħdu azzjoni issa qabel ma jkun tard wisq. Ma nistgħux inħallu li dak li ġara Malta jiġru wkoll fil-gżira ta’ tliet għoljiet.