Protezzjoni mill-perikli tal-asbestos
Il-Kummissjoni Ewropea reċentement ippreżentat pjan lill-Istati Membri biex jipproteġu aħjar in-nies u l-ambjent mill-asbestos u jiżguraw futur ħieles mill-asbestos.
L-asbestos huwa sustanza perikoluża ħafna li tikkawża l-kanċer u li fl-UE għadha preżenti f’ħafna bini u tikkawża ħafna mwiet li jistgħu jiġu evitati. Għalkemm il-forom kollha tal-asbestos ilhom pprojbiti fl-UE mill-2005, l-asbestos għadu preżenti f’bini antik.
Fl-Istati Membri sa 78% tal-każi tal-kanċer ikkawżati minn ċertu xogħlijiet huma relatati mal-asbestos. Biex tindirizza l-kwistjoni, il-Kummissjoni Ewropea qed tipproponi komunikazzjoni dwar il-ħidma lejn futur ħieles mill-asbestos, li tindirizza l-kwistjoni b’mod komprensiv, mit-titjib tad-dijanjosi u t-trattament tal-mard ikkawżat mill-asbestos, għall-identifikazzjoni u t-tneħħija sikura, u t-trattament tal-iskart tal-asbestos.
Proposta oħra hija li tiġi emendata d-Direttiva dwar l-Asbestos fuq ix-Xogħol biex tittejjeb il-protezzjoni tal-ħaddiema billi jitnaqqas b’mod sinifikanti l-limitu ta’ espożizzjoni fuq ix-xogħol għall-asbestos.
Flimkien ma’ ħolqien ta’ kuxjenza u titjib ieħor fil-prevenzjoni u t-trattament tas-saħħa, din il-proposta se tressaqna eqreb lejn l-għan tagħna tal-UE li negħlbu l-kanċer. Tipprovdi wkoll gwida importanti lil min iħaddem u joħloq kundizzjonijiet ekwi għan-negozji li joperaw madwar l-UE, filwaqt li jnaqqas l-ispejjeż tal-kura tas-saħħa relatati mat-trattament mediku.