Photo: Facebook (Justice for Daphne Caruana Galizia)

Jekk kienx b’kumbinazzjoni jew le, il-ħames anniversarju mill-qtil brutali tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia jibqa’ mfakkar għall-mod drammatiku li bih iż-żewġ suspettati li kienu għaddejjin ġuri b’rabta ma’ dan il-każ intbagħtu 40 sena ħabs kull wieħed wara li ammettew l-akkużi fil-bidu tal-ġuri tagħhom. Bla dubju, il-fatt li s’issa kien hemm tliet kundanni b’rabta ma’ dan il-każ, jimmarka tragward importanti. Sfortunatament, mhux l-istess jista’ jingħad fuq każi oħra li fil-passat ħallew is-soċjetà Maltija bħall-qtil ta’ Karin Grech u Raymond Caruana. Madankollu, is-suċċess li jitressqu quddiem il-ġustizzja dawk li wettqu l-qtil brutali ta’ Caruana Galizia, ma jimplikax awtomatikament li dan il-kapitlu ikrah qed jingħalaq. Dan iseħħ biss jekk dawk kollha involuti jitressqu quddiem il-ġustizzja speċjalment il-mandanti. S’issa suspettat wieħed biss ġie akkużat li kien il-mandant, iżda hemm ħafna evidenza li l-ġurnaliżmu investigattiv ta’ Daphne kien qed jolqot fil-laħam il-ħaj nies prominenti, inklużi politiċi li setgħu kienu qed ibillu subajhom mill-korruzzjoni u s-sens ta’ impunità.

Għaddew ħames snin minn dan il-qtil iżda ċerti mistoqsijiet għadhom hemm, minkejja dikjarazzjonijiet li l-ebda politiku ma kien involut. Dawn id-dubji jippersistu għas-sempliċi raġuni li l-evidenza stess qed tqanqal ċertu tħassib. Kien hemm diversi episodji, kemm fl-inkjesta pubblika kif ukoll waqt proċedimenti kriminali, fejn ċerti ismijiet ħarġu ripetutament jew inkella ħarġu rabtiet mill-qrib bejn is-suspettati u nies f’awtorità għolja.

Daphne Caruana Galizia kienet tissimbolizza il-ġurnaliżmu investigattiv ta’ veru. Ma kienet tibża’ minn ħadd u ma kellha l-ebda problema biex tidħol f’kwistjonijiet irrispettivament mill-konsegwenzi kemm jekk ikunu interessi kummerċjali jew is-sigurtà tagħha stess. L-isforz tagħha għall-verità u l-ġustizzja, u biex tikxef il-korruzzjoni kien jisboq bil-bosta l-isforzi ta’ kmamar tal-aħbarijiet u djar tal-midja sħaħ li xi drabi setgħu ċedew għal ċerti pressjonijiet. Caruana Galizia qatt ma kkompromettiet ix-xogħol tagħha u konsegwentement kienet maħbuba minn xi wħud u mistmerra minn oħrajn.

Il-vojt tagħha għadu jinħass għalkemm il-legat tagħha jibqa’ ħaj. Dan il-kapitlu jingħalaq verament meta tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-korruzzjoni biex tibda tiġi mkissra l-perċezzjoni li ċerti individwi b’saħħithom huma ’l fuq mil-liġi.

Saru riformi fi ħdan il-korp tal-pulizija u l-uffiċċju tal-avukat ġenerali filwaqt li nħolqu entitajiet ġodda. Madankollu, għad fadal dubji jekk dan sarx għal konvinzjoni jew konvenjenza. Ilkoll għandna nistaqsu lilna nfusna dan li ġej – Fhiex ninsabu llum fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-meritokrazija u n-nepotiżmu?