Protezzjoni lil ħaddiema migranti mill-isfruttament fl-UE
L-Aġenzija Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) tinvolvi ruħha f’riċerka legali u fix-xjenza soċjali sabiex tindirizza prattiċi fi ħdan l-UE li juru impenn fiż-żamma, il-promozzjoni u r-rispett għad-drittijiet fundamentali u biex tindirizza oqsma fejn għad baqa’ xogħol xi jsir biex jintlaħqu l-livelli aċċettati internazzjonalment.
Dawn il-livelli jinsabu fiċ-Charter tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, li jelenka lista ta’ drittijiet għall-UE u l-istati membri tagħha meta l-liġi tal-UE tkun interpretata u applikata. Issir ukoll referenza għat-trattati u strumenti oħrajn tal-Kunsill tal-Ewropa u tan-Nazzjonijiet Uniti.
Sabiex ikun assigurat it-tqabbil tas-sejbiet, ir-riċerka ta’ FRA tipikament tkopri lill-istati membri kollha. Tagħrif komparabbli huwa kruċjali biex is-sitwazzjoni tkun deskritta aħjar. Il-FRA tista’, madankollu, tillimita x-xogħol tagħha għal stati membri tal-UE li jkunu magħżula meta, per eżempju: suġġett ma jkunx rilevanti għall-istati membri kollha tal-UE; tkun qed tittestja kwestjonarju dwar riċerka ġdida; jew meta r-riżorsi jkunu limitati.
F’dan il-kuntest, rapport maħruġ f’Ġunju ta’ din is-sena mill-FRA dwar sfruttament serju fix-xogħol jinkludi sejbiet kruċjali tas-sitwazzjoni fl-UE wara stejjer dettaljati ta’ ħaddiema li kienu intervistati bħala parti mix-xogħol tal-FRA.
Ir-rapport ukoll għandu numru ta’ linji gwida dwar kif l-isfruttament fost il-ħaddiema migranti jista’ jiġi evitat u għand min wieħed jista’ jirrikorri f’każ ta’ sfruttament.