Pjattaformi Diġitali aktar b’saħħithom dwar ix-Xogħol
Il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat rapport li jiffoka fuq ix-xejra dejjem tikber ta’ pjattaforma diġitali dwar ix-xogħol madwar l-Unjoni Ewropea. Dan ir-rapport jistima x-xejriet u l-fatturi differenti li qed iwasslu għaż-żieda ta’ dawn il-pjattaformi u xi jfisser dan għax-xogħol madwar l-Unjoni Ewropea.
Pjattaformi fuq l-internet iħeġġu l-innovazzjoni u t-tkabbir fl-ekonomija diġitali. Għandhom irwol importanti fl-iżvilupp tad-dinja diġitali u joħolqu opportunitajiet ġodda ta’ xogħol. Jgħinu biex ilaqqgħu flimkien il-ħaddiema u min iħaddem filwaqt li jgħinu biex itaffu d-diversi nuqqasijiet fis-suq tax-xogħol billi l-individwi jkunu magħqudin b’mod effettiv b’opportunitajiet ta’ xogħol.
Ir-rapport sab li wieħed minn kull għaxar adulti diġa’ uża pjattaformi fuq l-internet, tal-inqas, darba biex jipprovdi s-servizzi. Filwaqt li għall-maġġoranza jibqa’ sors sporadiku ta’ dħul sekondarju, tnejn fil-mija tal-popolazzjoni adulta jaħdmu aktar minn 20 siegħa fil-ġimgħa jew jaqilgħu mill-inqas nofs d-dħul tagħhom permezz ta’ pjattaformi diġitali tax-xogħol. Fost il-pajjiżi li kienu nvoluti fl-istudju, ir-Renju Unit għandu l-ogħla sehem ta’ nies li jaħdmu primarjament permezz ta’ pjattaformi diġitali (4.3 fil-mija). Malta ma kinitx inkluża fl-istudju.
Sabiex taddatta iżjed għal din ir-realta’ ġdida, il-Kummissjoni pproponiet Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli.