L-aħbar li se titnieda pjattaforma diġitali ġdida biex jiġu koordinati aħjar ix-xogħlijiet tat-toroq madwar Malta ġabet magħha reazzjonijiet imħallta. Minn naħa, dan huwa pass meħtieġ biex jindirizza problema li bla dubju tista’ titqies bħala endemika fil-gżejjer tagħna. Min-naħa l-oħra, hemm ukoll min hu xettiku li din tista’ tispiċċa bħala inizjattiva sporadika oħra li, minflok issolvi, toħloq aktar burokrazija bla bżonn.

Għal snin twal, il-pubbliku Malti ġarrab l-inkonvenjent ta’ xogħlijiet li jkunu nieqsa minn kull koordinazzjoni, li jdumu ħafna iżjed milli suppost, u li jitfaċċaw mil-lejl għan-nar. Il-Maltin żgur li huma familjari ma’ sitwazzjonijiet fejn isiru devjazzjonijiet mil-lejl għal nhar, siti tax-xogħol mhux immarkati tajjeb, u toroq li jinqalgħu darbtejn fi żmien qasir għax entitajiet differenti ma kienux jikkordinaw bejniethom.

Minkejja li l-għanijiet wara din il-pjattaforma huma tajbin – jiġifieri li l-awtoritajiet, kumpaniji tal-utilitajiet u kuntratturi jallinjaw l-isforzi tagħhom – tajjeb infakkru li rajna diversi inizjattivi simili fl-imgħoddi li tnedew b’ħafna tamiet. It-twaqqif ta’ entitajiet ġodda bħar-regolatur tat-trasport, entità ffukata fuq xogħlijiet infrastrutturali, u r-rwol tal-kunsilli lokali kienu kollha maħsuba biex jirranġaw is-sitwazzjoni. Iżda ħafna drabi, spiċċajna b’sitwazzjoni fejn ħadd ma kien qed jieħu r-responsabbiltà u kulħadd kien ifarfar – jew saħansitra jipponta subajh lejn ħaddieħor.

Koordinazzjoni aħjar tfisser ukoll li meta jitlestew ix-xogħlijiet, is-sinjali temporanji jitneħħew minnufih – u mhux jitħallew hemm għal xhur sħaħ. L-istess jgħodd għat-tagħmir bħal barriers temporanja li ħafna drabi jitħallew fil-ġenb tat-triq  u jagħti dehra ta’ traskuraġni. Dawn huma affarijiet bażiċi li jeħtieġu dixxiplina– mhux biss pjattaforma teknoloġika.

Il-Kap ta’ Transport Malta, Kurt Farrugia, sejjaħ din il-pjattaforma bħala  kruċjali, u wiegħed li mhux se jkun hemm iktar l-iskuża li x-xogħlijiet ma kienux ippjanati. Il-Ministru għat-Trasport Chris Bonett kompla fuq l-istess  linja, u qal li b’din is-sistema ġdida, sitwazzjonijiet fejn l-id il-leminija ma tkunx tafx x’qed tagħmel ix-xellugija kienu se jsiru xi ħaġa tal-passat.

Nittamaw li tassew hekk ikun. Għax il-livell huwa baxx u l-paċenzja tan-nies ilha li spiċċat. Jekk din il-pjattaforma titħaddem kif suppost, b’linji ta’ responsabbiltà ċari, aġġornamenti fil-ħin u infurzar serju, forsi fl-aħħar nistgħu naraw koordinazzjoni serja u effettiva fis-settur tat-toroq.

Imma kif jgħidu, iż-żmien jagħtina parir. Din tista’ tkun qabża vera ’l quddiem – jew inkella opportunità oħra mitlufa. Wara kollox, li l-affarijiet imorru għall-aħjar jistgħu.