Evitajna traġedja bi sbrixx

Siegħat wara li ħareġ avviż ta’ waqfien tax-xogħol f’sit ta’ kostruzzjoni f’Paceville, blokka ta’ appartamenti li kienet tinsab biswitha iġġarrfet matul il-lejl. B’xorti tajba ħadd ma weġġa għax il-periti u l-awtoritajiet ħadu azzjoni fuq il-twissijiet li kienu waslulhom, u evakwaw 32 resident li kienu joqogħdu fis-sit. Filwaqt li dan l-intervent f’waqtu salva ħafna ħajjiet, xort jibqa’ l-fatt li evitajna traġedja bi sbrixx. Dan il-fatt m’għandux iservi bħala konsolazzjoni.
Mill-aspett regolatorju, sar hafna ħafna iktar biex jitħarsu proprjetajiet biswit siti ta’ kostruzzjoni. Fl-2019, l-Avviż Legali 136 impona li kull sit ta’ kostruzzjoni jistabbilixxi Uffiċjal Tekniku tas-Sit kwalifikat—perit jew inġinier—li jkun responsabbli li jkun osservat il-method statement u kwalunkwe xogħol li jista’ jikkawża. Minkejja dawn il-miżuri, dak li ġara f’Paceville wera d-differenza bejn regolamenti fuq il-karta u r-realtà fil-lant tax-xogħol.
Xi wħud jistgħu iqajmu l-punt li l-blokka li waqgħet kienet diġà b’difetti strutturali. Imma argument bħal dan ireġi biss sakemm qabel jibda x-xogħol ikunu saru t-testijiet meħtieġa u ttieħdu l-miżuri li hemm bżonn. Jekk dan ma jsirx inkunu qed nilgħabu mal-ħajjiet tan-nies.
Minbarra studenti li kienu jgħixu fl-appartamenti li ġġarfu, kien hemm bar popolari li wkoll spiċċa fil-mira. Li kieku kien hemm anke dewmien ta’ ftit minuti fl-evakwazzjoni, it-traġedja setgħet tkun ferm ikbar .
Kien biss intervent tal-aħħar mument, minn periti privati ikkummissjonati mis-sidien tal-blokka li evita traġedja. Quddiem sitwazzjoni ta’ kollass imminenti is-sidien ma kellhom l-ebda għażla ħlief li jġibu esperti indipendenti minn buthom biex juru lill-awtoritajiet li kienu esposti għal periklu imminenti.
Dan l-episodju jfakkarna wkoll fit-traġedja ta’ Jean Paul Sofia li tilef ħajtu f’Diċembru 2022, meta ċeda sit ta’ kostruzzjoni Corradino. L-inkjesta pubblika kienet kkonkludiet li l-mewt ta’ Sofia seħħet f’ambjent fejn ma kienx hemm regolamentazzjoni, mingħajr awtorità waħda li tmexxi s-sit. Id-39 rakkomandazzjoni li ħarġu minn din l-inkjesta kienu jvarjaw minn liċenzjar u klassifikazzjoni aktar stretta għall-kuntratturi, għall-introduzzjoni ta’ skill cards u spezzjonijiet indipendenti obbligatorji f’kull fażi tal-kostruzzjoni. Sfortunatament, iżda ftit snin wara erġajna koppi.
Jaqaw diġà insejna lil Jean Paul Sofia? Insejna lil Miriam Pace, li tilfet ħajjitha meta ntradmet f’darha fil-Ħamrun? Kemm-il darba irridu ngħodduha b’waħda qabel ma verament nibdlu l-mentalità?
Kemm qed insegwu l-condition reports tal-bini li jsiru qabel ma jibda x-xogħol? Jekk bini jiġi mmarkat bħala perikoluż, x’passi konkreti qed jittieħd biex nassiguraw li jiġi rinforzat qabel jinbdew ix-xogħlijiet?
Qed nimxu mal-method statements? Min jiċċekkja li t-tħaffir u t-twaqqigħ qed isegwu l-protokolli tas-sigurtà stabbilit?
Qed nħarsu lejn id-dokumenti mitluba waqt il-proċess tal-ippjanar bħala salvagwardji attivi—jew sempliċiment biex ngħalqu ħalq l-awtoritajiet u npoġġuhom fuq xkaffa?
L-Awtorità tal-Ippjanar u l-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni iridu jistaqsu lilhom infushom x’mar ħażin.
Filwaqt li nistgħu ngħidu li l-11 ta’ Ġunju 2025 se jibqa’ mfakkar għax salvajna l-ħajjiet salvajna ħajjiet, jekk ma niffaċċjawx bis-serjetà n-nuqqasijiet sistematiċi li nafu bihom u li kienu esposti fl-inkjesta ta’ Jean Paul Sofia, inkunu biss pass ’il bogħod minn traġedja oħra. Il-liġi fuq il-karta tista’ tidher soda, imma jekk mhux ma nibnu kultura ta’ responsabbiltà fis-settur tal-kostruzzjoni, l-ebda ammont ta’ avviżi ta’ waqfien ix-xogħol mhux ser jipprovdu sigurtà vera għar-residenti madwar is-siti tal-kostruzzjoni. Il-żmien li ngħalqu għajnejna ilu li spiċċa.